Lokali Qorti

Il-Qorti tiċħad l-appell tal-Maltco dwar l-esklussività tal-logħob

Il-Qorti tal-Appell ċaħdet talba tal-kumpanija Maltco Lotteries Limited biex testendi l-monopolju tagħha lil hinn mil-Lotterija Nazzjonali, billi ddeċidiet li l-esklussività mogħtija lil Maltco taħt il-kunċessjoni tal-2012 kienet tirrigwarda biss it-tliet logħbiet prinċipali tal-lotterija, jiġifieri l-Lottu, Super 5 u Grand Lottery.

Din id-deċiżjoni tagħlaq kontroversja legali li ilha għaddejja diversi snin bejn Maltco, il-Gvern ta’ Malta u l-Awtorità tal-Logħob (MGA), dwar l-interpretazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-konċessjoni u l-liċenzja li ngħatat lil Maltco fl-2012.

L-appell ġie deċiż mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti, flimkien mal-Imħallfin Robert G. Mangion u Grazio Mercieca, ikkonfermaw is-sentenza tal-ewwel Qorti li kienet diġà ċaħdet il-kawża ta’ Maltco kontra l-Gvern u l-MGA.

Il-kwistjoni kienet tħaddan il-punt ta’ jekk l-awtoritajiet kisrux id-drittijiet ta’ Maltco meta taw permess lil operaturi oħra, fosthom Gaming Operations Limited (IZIBET), biex joffru dak li jissejjaħ “logħob addizzjonali”, bħal ‘sports betting’ u logħob tat-tip ‘roulette’.

Maltco sostniet li l-kunċessjoni tal-2012, li ngħatat mill-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u l-Industrija, kienet tagħtiha esklussività mhux biss fuq il-logħob tal-Lotterija Nazzjonali, iżda wkoll fuq kwalunkwe logħba oħra li setgħet tiġi introdotta fil-futur, sakemm ma tidħolx liġi ġdida li tagħti dritt lil operaturi oħra.

Il-kumpanija argumentat li l-Gvern u l-MGA aġixxew bi ksur ta’ kuntratt u b’mala fede, meta taw liċenzji lil operaturi oħra biex joffru logħob li, skont Maltco, kien jaqa’ taħt l-esklussività tagħha. Min-naħa l-oħra, il-Gvern u l-MGA ċaħdu din l-interpretazzjoni u spjegaw li d-drittijiet esklussivi ta’ Maltco kienu limitati biss għal dawk il-logħob imsemmija fil-liċenzja tagħha, jiġifieri Lotto, Super 5 u Grand Lottery.

Il-Qorti innotat li s-suq tal-logħob addizzjonali kien diġà rregolat b’mod separat taħt ir-Regolamenti tal-Aparat tal-Logħob (Gaming Devices Regulations), li kienu diġà fis-seħħ qabel il-konċessjoni ta’ Maltco, u li taw lill-MGA setgħa legali li tagħti liċenzji lil diversi operaturi.

Wara li eżaminat il-Konċessjoni tal-2012, il-Liċenzja tal-Lotterija Nazzjonali u l-leġiżlazzjoni relevanti, fosthom Kap. 438 tal-Liġijiet ta’ Malta, il-Qorti sabet li, minkejja li l-kunċessjoni kienet tgħid li fil-futur jista’ jiġi introdott qafas legali ġdid għal logħob addizzjonali, ma kienx hemm ebda klawsola li tagħti lil Maltco dritt ta’ monopolju lil hinn mit-tliet prodotti prinċipali.

Il-Qorti osservat ukoll li Maltco qatt ma tħallset jew ħallset tariffa biex tikseb esklussività fuq dawn il-logħob addizzjonali, u dan ikompli jsaħħaħ il-pożizzjoni li l-kunċessjoni ma tatx ebda monopolju usa’. Barra minn hekk, kien hemm operaturi oħra diġà liċenzjati u attivi fis-suq qabel ma Maltco kisbet il-kunċessjoni tagħha, li jfisser li ma setgħetx tikklejmja monopolju fuq attività diġà eżistenti.

Il-Qorti tal-Appell għalhekk ċaħdet l-appell ta’ Maltco u kkonfermat li l-MGA aġixxiet skont il-mandat legali tagħha meta tat liċenzji lil operaturi oħra biex joffru servizzi ta’ logħob addizzjonali. Din id-deċiżjoni tikkonferma li l-monopolju ta’ Maltco jibqa’ esklussivament limitat għal-Lotto, Super 5 u Grand Lottery, u li l-logħob ieħor jibqa’ suġġett għal kompetizzjoni regolata minn diversi operaturi taħt l-awtorità tal-MGA.