Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, illiberat lill-Britanniku Liam Joseph Stacey mill-akkuża li kkawża ġrieħi gravi f’ġlieda mal-pool tal-lukanda Seabank fil-Mellieħa.
Il-każ kien jikkonċerna inċident li seħħ meta Stacey, li kien qiegħed iqatta’ btala f’Malta ma’ martu u ż-żewġt itfal żgħar tiegħu, ġie attakkat minn grupp ta’ Maltin li kienu qed jixorbu u jġibu ruħhom b’mod aggressiv ħdejn il-pixxina.
Mill-provi li nġabru quddiem il-Qorti, irriżulta li l-ġlieda bdiet wara li Roderick Sciortino ta daqqa ta’ ponn lil Stacey u wasslu jaqa’ fuq it-tifel tiegħu ż-żgħir. Wara dan l-attakk, Stacey qam u ta lil Sciortino daqqa ta’ ponn bħala reazzjoni għall-aggressjoni.
F’dak il-mument, il-ġlieda eskalat meta Jesmond Portelli, sieħeb ta’ waħda mill-aħwa tal-partner ta’ Sciortino, daħal ukoll fl-azzjoni, segwit minn Christian Fucile. Fil-filmat miġbud mill-kameras tas-sigurtà, kien jidher b’mod ċar li Stacey kien qed jipprova jiddefendi lilu nnifsu u lill-familja tiegħu minn dan l-attakk.
Ftit jiem wara l-inċident, Sciortino miet l-Isptar Mater Dei wara li tneħħa minn fuq il-magna tal-ħajja. Madankollu, mir-riżultati tal-awtopsja li saret mill-esperti mediċi Prof. Mario Scerri, Dr. Safraz Ali u Dr. David Pisani, ġie stabbilit b’mod ċar li l-mewt tiegħu ma kellha x’taqsam xejn mal-ġlieda.
L-esperti spjegaw li Sciortino miet minn anevrizma fil-moħħ li nfaqqgħet b’mod naturali, jiġifieri minħabba kundizzjoni patoloġika u mhux minħabba trawma jew daqqa. L-ebda marka jew ġrieħi ma nstabu fuq rasu jew ġismu li setgħu jindikaw attakk vjolenti, ħlief tbenġila żgħira fuq wara ta’ rasu li kienet probabbilment ikkawżata meta waqa’.
Il-Professur Scerri kkonferma li l-pressjoni tad-demm ta’ Sciortino kienet għolja ħafna — madwar 200 — u li l-livell tal-alkoħol fid-demm tiegħu kien ogħla mill-medja, fatturi li huma biżżejjed biex jispjegaw il-problema tal-arterja fil-moħħ.
L-esperti Pisani u Ali kkonkludew li l-mewt kienet li l-moħħ ma setax jirċievi ossiġnu komplikata minn min dmija li jkun qed jiskula mill-moħħ għat-’tissue’ li tippoteġiha su dan fl-arterja ċerebellari tax-xellug”, jiġifieri kundizzjoni medika purament naturali u mhux ikkawżata minn ġrieħi jew minn att ta’ vjolenza.
Il-Qorti osservat li lanqas il-frattura tan-nofs tal-imnieħer li ġiet irreġistrata fl-ewwel rapport mediku ma kienet ġdida, iżda kienet diġà teżisti mill-2018. Dan kien fatt determinanti li neħħa kull rabta bejn l-imputat u xi ħsara fiżika fuq il-vittma.
Fid-dawl ta’ dawn il-konklużjonijiet mediċi, il-Qorti qalet li l-akkuża ta’ ġrieħi gravi ma setgħetx tkun ġustifkata għax ġie ppruvat li Sciortino ma sofra ebda ġrieħi u miet minħabba kawża naturali. Fil-ġudizzju tagħha, il-Maġistrat Frendo Dimech ikkonstatat li l-azzjonijiet ta’ Stacey kienu ta’ difiża leġittima skont l-Artikolu 223 tal-Kodiċi Kriminali.
Hija qalet li l-akkużat ġie pprovat li kien attakkat, mhux biss minn Sciortino iżda wkoll minn Portelli u Fucile, u li r-reazzjoni tiegħu kienet waħda proporzjonata u raġonevoli għall-aggressjoni li sofra. Il-Qorti enfasizzat li Stacey kien qed jipproteġi lilu nnifsu u, fuq kollox, lit-tfal tiegħu minn sitwazzjoni ta’ periklu immedjat.
Il-Qorti kkaratterizzat l-imġiba ta’ Sciortino bħala “vulgari, aggressiva u sfaċċata”, filwaqt li sejħet lil Portelli “bla rażan u belligeranti”. Skont il-Qorti, dawn iż-żewġ persuni kienu l-unika kawża tal-inkwiet, u mhux Stacey. “Jekk kien hemm vittma f’dan l-inċident, kien l-imputat u l-familja tiegħu,” qalet il-maġistrat.
Fid-dettalji tal-ġudizzju, il-Qorti rrimarkat li l-livell ta’ forza użat minn Stacey kien anqas minn dak li seta’ jkun ġustifikat fid-dawl tal-attakk li ġarrab, u għalhekk is-sitwazzjoni kienet tissodisfa r-rekwiżit tal-proporzjonalità. Il-maġistrat qalet li ma kien hemm “ebda dubju li l-azzjonijiet tiegħu kienu inevitabbli u mmirati biss biex jevita attakk gravi u inġust”.
Fl-aħħar parti tas-sentenza tagħha, il-Qorti faħħret il-mod “metikoluż u kuxjenzjuż” li bih il-prosekuzzjoni mexxiet il-każ, billi qalet li l-provi ppreżentati mill-uffiċjali tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Pulizija “servu biex jixhdu kemm favur kif ukoll kontra l-imputat, u fl-aħħar mill-aħħar wasslu biex jiġi meħlus minn kull ħtija”.
Il-Qorti rrikonoxxiet ukoll il-kontribut tal-ispettur Ingliża Tonya Cook, li tat assistenza siewja lill-Pulizija Maltija biex jiġu rikostruwiti l-fatti tal-inċident. B’dan kollu, il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ikkonkludiet li l-prosekuzzjoni ma ppruvatx lil hinn minn kull dubju raġonevoli li Liam Joseph Stacey kien ħati ta’ ġrieħi gravi.
Il-Qorti għalhekk iddikjaratu mhux ħati u illiberatu minn kull akkuża, billi ddeċidiet li Roderick Sciortino miet minħabba kawża naturali u mhux bħala konsegwenza tal-azzjonijiet ta’ Stacey, li kienu ġusti u proporzjonati bħala att ta’ difiża leġittima.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Brandon Bonnici, mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali assistit mill-Ispetturi Bradley Grima u Clayton Camilleri. L-Avukat Stefano Filletti deher għall-akkużat filwaqt li l-Avukat Rachel Tua dehret għall-familja Sciortino.
//= $special ?>