Internazzjonali

Ir-Russja: Il-Mexxej tas-Sirja qed jipprova jwassal għall-estradizzjoni ta’ Bashar al-Assad

Il-President proviżorju tas-Sirja, Ahmad al-Sharaa, qed jipprova jipperswadi lir-Russja biex taqbel dwar l-estradizzjoni tal-eks-dittatur Sirjan, Bashar al-Assad, ħalli ssir il-ġustizzja miegħu f’pajjiżu.

Dan meta al-Sharaa jinsab għaddej bi żjara uffiċjali bla preċedent f’Moska – anqas minn sena wara li hu mexxa l-offensiva tar-ribelli fis-Sirja li waqqgħet lir-reġim ta’ Assad, li kien alleat ewlieni ta’ Moska.

Fil-fatt, ir-Russja kienet ilha s-snin tgħin militarment lil Assad – speċjalment waqt il-gwerra ċivili tas-Sirja…U grazzi għal din l-għajnuna, Assad kien irnexxielu jżomm il-poter għat-tul taż-żmien sakemm, f’Diċembru, spiċċa kostrett li jaħrab minn pajjiżu lejn ir-Russja.

Al-Sharaa, fl-aħħar xhur, ipprova jistabbilixxi relazzjonijiet tajbin anki mal-Istati Uniti u l-Punent. Dan filwaqt li hu permetta biex ir-Russja żżomm il-kontroll fuq il-bażijiet navali u tal-ajru li għandha fis-Sirja – u minkejja li l-Kremlin kien is-sostenitur ewlieni ta’ Assad waqt il-gwerra ċivili li damet għal 13-il sena sħaħ.

Sadanittant, il-futur tal-bażijiet militari tar-Russi fis-Sirja mistenni li jingħata prominenza kbira fit-taħditiet (li qed isiru f’Moska) bejn Al-Sharaa u l-Gvern ta’ Vladimir Putin.