Il-Partit Nazzjonalista qed ikompli għaddej bi proċess ta’ tiġdid hekk kif bejn illum u nhar il-Ġimgħa se jkunu qed isiru numru ta’ elezzjonijiet biex jiġu eletti membri ġodda fuq il-Kumitat Eżekuttiv.
Dan bħala parti mill-Kunsill Ġenerali amministrattiv bit-tema “Dan hu l-Mument” li jilħaq il-qofol tiegħu bid-diskors tal-Kap tal-PN Alex Borg nhar il-Ħadd.

Filwaqt li llum għaddejja l-votazzjoni għar-rappreżentanti distrettwali tal-Kumitati Sezzjonali tal-PN u tal-Kunsillieri Lokali tal-PN, nhar il-Ġimgħa se ssir il-votazzjoni biex jiġu eletti fl-Eżekuttiv 18-il rappreżentant tal-Kunsill Ġenerali.
Illum iridu jiġu eletti rappreżentant tal-Kunsillieri Lokali għal kull distrett, u rappreżentant tal-Kumitati Sezzjonali.
Nhar il-Ġimgħa, imbagħad, il-Kunsillieri tal-Kunsill Ġenerali jivvutaw biex jeleġġu sitt rappreżentanti rġiel, sitt nisa, erba’ żgħażagħ u żewġ rappreżentanti minn Għawdex. Għal dawn l-erba’ listi qed jikkontestaw total ta’ 34 kandidat. Il-votazzjoni ta’ nhar il-Ġimgħa se ssir fid-Dar Ċentrali f’Tal-Pietà bejn 12pm u d-9pm fil-każ ta’ Malta, u fis-Sub Headquarters tal-PN f’Ta’ Sannat bejn 12pm u s-7pm fil-każ ta’ Għawdex.
