Iżrael qed jesprimi rabja għall-aħħar ‘mossa’ tal-grupp Ħamas li ntrabat biex jirritorna l-fdalijiet tal-ostaġġi mejtin lill-Iżraeljani — skont il-patt għall-waqfien mill-ġlied li kien konkluż ftit tal-jiem ilu.
Dan meta Iżrael qed jgħid li wieħed mill-katavri li għaddew għal idejh fl-aħħar sigħat ma’ kienx ta’ wieħed mill-ostaġġi li nħatfu waqt l-attakki storiċi tal-2023 mill-Ħamas fuq l-artijiet tal-Iżraeljani. L-iskoperta saret magħrufa wara li l-Iżraeljani wettqu sensiela ta’ eżamijiet forensiċi fuq il-katavri.
Il-grupp Ħamas suppost li kellu jirritorna t-48 ostaġġi kollha – ħajjin u mejtin – li kienu għadhom miżmumin f’Gaza u bħala kundizzjoni ewlenija tal-pjan biex il-ġlied jieqaf wara xhur konsekuttivi ta’ ostilitajiet.
Sallum, l-Iżraeljani laħqu ħadu lura l-20 ostaġġi li baqgħu ħajjin u l-fdalijiet ta’ seba’ Iżraeljani li mietu fi priġunerija.
Sadanittant, Iżrael mhux mistenni li jaċċetta l-aġir tal-Ħamas li qed iqisu bħala ‘provokazzjoni premeditata’. U d-dawmien fit-trasferiment tal-katavri kapaċi jwassal biex l-Iżraeljani mill-ġdid jillimitaw il-movimenti tal-għajnuna lejn Gaza filwaqt li jipposponu l-ftuħ mill-ġdid tal-aċċess minn Rafah li jippermetti għal dawn il-movimenti.
Dan minkejja li l-ftehim ippermetta għal mekkaniżmu għall-iskambju ta’ informazzjoni li għandu jgħin biex il-Ħamas jgħaddi kwalunkwe data dwar l-inħawi fejn jistgħu jinstabu l-katavri – dejjem f’sitwazzjonijiet fejn ikun hemm dubju dwar il-lokalitajiet partikulari.
Il-ftehim għall-waqfien mill-ġlied, intant, irrefera wkoll għall-possibbiltà li l-Ħamas u gruppi oħrajn ta’ Palestinjani setgħu ma laħqux sabu u identifikaw il-katavri tal-ostaġġi sad-deadline ta’ nhar it-Tnejn — u meta suppost li huma qed ifittxuhom taħt it-tifrik tal-bini meqrud f’Gaza.
Fl-istess ħin, ir-residenti ta’ Gaza għadhom sallum mingħajr ilma u elettriku – bis-sitwazzjoni tal-ikel fl-inħawi għadha waħda gravi.
//= $special ?>