Albert Buttigieg, PN
Id-Deputat Nazzjonalista Albert Buttigieg sostna fil-Parlament li s-sitwazzjoni preżenti f’Paceville tirrikjedi investiment qawwi u immedjat.
Hu qal li kemm San Ġiljan u Pacveille huma marbuta sew mat-turiżmu. Dan għaliex San Ġiljan u Paceville huma meqjusa mhux biss bħala l-mekka tad-divertiment għal diversi żgħażagħ lokali u turisti li jiġu fostna, imma wkoll għaliex din hija l-lokalità fejn hawn l-aktar ammont ta’ lukandi tal-ogħla kwalità. San Ġiljan u Paceville huma ċ-ċentru kosmopolitan ta’ Malta fejn diversi familji jaqilgħu l-għajxien tagħhom u hu wkoll post ukoll fejn diversi negozjanti investaw bi kbir.
Hu qal li filwaqt li jagħraf dan kollu, il-Gvern mhux qiegħed jagħti l-importanza meħtieġa għax hu ċar li l-Gvern ma għandu l-ebda idea jew pjan kif imexxi din il-lokalità. Hu semma’ l-iżvilupp żejjed u qal li minn zona kwieta u ta’ villaġġatura issa spiċċa, fi kliem xi ħadd, il-‘Manhatten ta’ Malta’. Dan meta din iz-zona ma tiflaħx aktar żvilupp.
Ftit taż-żmien ilu, il-Gvern kien ħareġ masterplan li kien donnu lista ta’ xewqat ta’ certu persuni. Dak iż-żmien kien hemm kritika kbira u l-Gvern waqqaf din il-masterplan imma xorta ħalla kull proġett li kien hemm fih. Kull toqba li hemm ġiet jew qed tigi mibnija mingħajr pjan holistiku.
Mhux biss m’hemmx pjan holistiku imma l-Gvern ibiddel u jemenda l-pjani – kif qed jagħmel fil-każ tal-applikazzjoni ta’ Villa Rosa – biex ikun jista’ jaġevola l-applikanti.
It-talba tal-PN kienet u hi li jkun hemm tassew masterplan fejn l-istakeholders kollha, inkluż ir-residenti, ikunu involuti u jkun hemm pjan fit-tul. Min-naħa l-oħra, filwaqt li l-investituri qegħdin jinvestu flushom f’din il-lokalità, il-Gvern Laburista mhux qiegħed jagħmel l-ebda investiment fl-infrastruttura pubblika.
Il-Gvern ikun diżonest jekk iwaħħal fil-Kunsill Lokali meta jaf li l-Gvern neħħielhom kull awtorità għaliex fil-fatt lanqas tabella tat-traffiku ma jistgħu jwaħħlu mingħajr permess mill-Gvern. Imbagħad ikollu l-wiċċ jgħid li l-kunsilli huma l-gvern lokali.
Hu qal li għalkemm il-Gvern fl-aħħar bagit alloka fondi għal Paceville, il-ministru qal li dawn il-fondi marru biex Paceville ikollha purple badge u tkun zona sigura.
Huwa fatt li l-istat li huma t-toroq, il-bankini huma tal-biki. Mhux biss, imma issa anke l-Bajja ta’ San Ġorġ li kellha l-blue badge, spiċċat għal diversi drabi magħluqa minħabba l-ħruġ tad-drenaġġ fil-baħar. Mhux biss il-gvern abbanduna l-Bajja ta’ San Ġorġ u proġetti li kienu tħabbru b’tant pompa bħar-riġenerazzjoni ta’ Ġnien Spinola fejn il-Gvern qal li se jonfoq €5.5 miljun. Sal-lum kollox għadu kif inhu.
Hu qal li l-proġett tax-Xatt tas-Sajjieda mhux biss ma tkomplix imma zona li suppost hija għas-sajjieda biex ipoġġu l-inġenji tagħhom spiċċat bl-imwejjed u s-siġġijiet. Fl-istat tal-indafa hemm skart ma’ kullimkien għaliex il-gvern jibża’ jinforza l-liġijiet ma’ numru ta’ ristoranti li suppost għandhom il-kuntrattur privat u mhux lest jirregola x-short lets li għalkemm huma tajbin imma ma jistax ikun li jitħallew jagħmlu ħerba mil-lokalità u mir-residenti.
Hemm ukoll in-nuqqas ta’ sigurtà, sostna Albert Buttigieg, li fakkar lill-Gvern fil-wiegħda tiegħu li jkun hemm skwadra tal-pulizija apposta għal din il-lokalità u li jkun hemm is-CCTV. Sal-lum dawn ma sarux, għalkemm il-gvern għamel konferenza stampa u qal li qiegħed fil-proċess li jagħmel dawn il-CCTV.
Il-PN għal diversi drabi tkellem fuq il-ħtieġa li jkun hemm masterplan li jirrispetta l-interessi ta’ kulħadd. Għal diversi drabi, il-PN tkellem fuq il-ħtieġa li jkun hawn turisti ta’ kwalità u mhux ta’ kwantità.
Għal diversi drabi l-PN tkellem biex il-flus mill-eco tax ta’ 50c li kull turist jagħti għal kull lejl tkun investità fil-lokalità u mhux tmur ġo fond li ħadd ma jaf fejn imorru.
//= $special ?>

