Hekk kif ninsabu 238 ġurnata biss ‘il bogħod mil-bidu tat-Tazza tad-Dinja tas-sena d-dieħla, 28 pajjiż minn madwar id-dinja diġa’ aċċertaw minn post fil-finali ta’ din il-kompetizzjoni. Għall-ewwel darba fl-istorja, l-edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja, li se tkun organizzata fl-Istati Uniti, il-Messiku u l-Kanada, se tkun qed tintlagħab bejn 48 nazzjon; l-akbar numru ta’ timijiet parteċipanti fil-fażi finali ta’ din l-akbar kompetizzjoni tal-futbol fid-dinja.
Mil-kontinent Ewropew, l-allokazzjoni ta’ pajjiżi li se jilgħabu fit-23 edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja se jkun ta’ 16. Tnax minn dawn il-pajjiżi se jkunu qed jgħaddu direttament, bħala r-rebbieħa tal-grupp rispettiv tagħhom. L-erba’ postijiet l-oħra vakanti għall-pajjiżi tal-UEFA, se jkunu qed jiġu determinati permezz tal-play-offs.
Għal dan l-istadju, in-numru ta’ pajjiżi li se jgħaddu għall-play-offs, u allura jisfurzaw ċans ieħor sabiex jagħmluha għall-finali tat-Tazza tad-Dinja, se jkunu 16-il tim.
Min huma l-pajjiżi li se jilgħabu fil-play-offs tal-Ewropa?
Kull pajjiż li jtemm it-tieni fit-tnax-il grupp għall-pajjiżi tal-UEFA, jagħmluha direttament għal dan l-istadju. Li se jkun interessanti hu min se jkunu l-erba’ pajjiżi l-oħra li se jingħaqdu mas-16-il pajjiż Ewropew li jilgħab fil-play-offs għall-kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tas-sena d-dieħla.
Għall-ewwel darba fl-istorja, dawk il-pajjiżi Ewropej, li ma spiċċawx mal-ewwel tnejn fil-grupp rispettiv tagħhom, iżda rebħu l-grupp li lagħbu fiħ fl-aħħar edizzjoni tal-UEFA Nations League, se jidħlu b’ċans tajjeb li jagħmilha għall-istadju tal-play-offs għal post fost l-48 pajjiż finalist tat-Tazza tad-Dinja.
Dan ifisser li matematikament, San Marino, li attwalment jinsab fil-210 fir-rankings dinija tal-FIFA, għadhom ċans tajjeb, u tajjeb ħafna li jkunu wieħed mill-erba’ pajjiżi li jagħmluha għall-play-offs.
Kif? Għala?
F’Grupp H għall-kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja, San Marino jinsabu l-aħħar u tilfu kull logħba li lagħbu. Fit-18 ta’ Novembru li ġej, huma jilgħabu l-aħħar logħba tal-grupp kontra r-Rumanija. Jekk dawn tal-aħħar, kif mistenni jirbħu l-isfida ta’ San Marino u jiksbu t-tliet punti, ir-Rumeni jkunu qed jaċċertaw mit-tieni post fil-grupp u allura minn post garantit fl-istadju tal-play-offs.
L-ironija ta’ dan kollu hi li b’telfa, San Marino jmorru tajjeb, għaliex permezz tal-kwalifikazzjoni Rumena għall-play-offs huma jkunu qed jiksbu wieħed mill-erba’ postijiet Ewropej, fl-istadju tal-play-offs, permezz tar-riżultati miksuba mill-aħħar edizzjoni tal-UEFA Nations League.
Fl-2024, San Marino lagħbu fl-istess diviżjoni ta’ Malta, fil-UEFA Nations League, iżda kienu f’eħfef grupp minn Diviżjoni D meta flimkien magħhom kellhom lil Ġibiltá u Liechtenstein. San Marino temmew l-ewwel fil-grupp, b’seba’ punti; punt wieħed vantaġġ fuq Ġibiltá. Minħabba f’hekk, bl-ironija kollha, l-agħar tim fid-dinja, irnexxilu jikseb promozzjoni għal Diviżjoni C tal-UEFA Nations League u issa b’ċans tajjeb li jikkwalifikaw għall-play-offs għal post fost il-pajjiżi finalisti tat-Tazza tad-Dinja.
Iva, naf x’qed tgħid bħalissa. Dan x’taħwid hu? U kemm hi redikola s-sistema. Redikola forsi le, għaliex tagħti ċans lil pajjiżi ż-żgħar fid-dinja, partikolarment Ewropej li jistgħu jilgħabu fil-finali tat-Tazza tad-Dinja pero li tgħid li hi surreali għal pajjiż bħal San Marino, bla dubju jkollok raġun.
Iżda qabel nibdew ngħaġġlu, ejjew nifhmu ukoll li hawnhekk qed nitkelmu fuq kwalifikazzjoni għal post fil-play-offs mhux kwalifikazzjoni diretta għat-Tazza tad-Dinja. Dan ifisser li realistikament, anzi bil-probabiiltá kollha, San Marino jkunu eliminati mal-ewwel meta jiġu biex jilgħabu fl-istadju tal-play-offs.
Flimkien ma’ San Marino, mill-pajjiżi Ewropej, li huma meqjusa żgħar, u li m’għandhomx ċans jispiċċaw mal-ewwel żewġ postijiet tal-grupp rispettiv tagħhom għall-kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja hemm ukoll il-Moldova, li fl-aħħar edizzjoni tal-UEFA Nations League, huma temmew l-ewwel fil-grupp ta’ Malta, b’żewġ punti vantaġġ fuq it-tieni post Malta.
Biex ikunu ċari l-affarijiet għadhom jistgħu jinbidlu,u preżentament Wales, ir-Rumanija, Żvezja u l-Irlanda ta’ Fuq, huma l-erba’ pajjiżi favoriti li permezz tal-erba’ postijiet allokati mil-prestazzjonijiet tal-aħħar edizzjoni tal-UEFA Nations League, jiksbu post fost il-pajjiżi Ewropej li se jilgħabu fl-istadju tal-play-offs, biex minn dan l-istess stadju, finalment ikun hemm erba’ pajjiżi li jikkwalifikaw direttament għat-Tazza tad-Dinja.
Kull m’għandhom bżonn San Marino u l-Moldova, biex jiksbu post għall-play-offs għall-kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja tas-sena d-dieħla, hu li sal-aħħar ġurnata tal-gruppi tal-UEFA, tnejn mill-pajjiżi li semmejna, ċioé Wales, Rumanija Żvezja u l-Irlanda ta’ Fuq, jispiċċaw it-tieni fil-grupp, biex jagħmlu spazju għall-pajjiż li jinsab fl-aħħar post fir-rankings tal-FIFA, San Marino u l-Moldova, li jinsabu fil-156 post fid-dinja, biex ikunu fost is-16-il pajjiż Ewropew li javvanzaw għall-ewwel stadju tal-play-offs, li finalment minn dan l-istadju se jkunu erbgħa l-pajjiżi Ewropej li jikkwalifikaw direttament għat-Tazza tad-Dinja li għall-ewwel darba se tkun organizzata bejn tliet pajjiżi f’daqqa.
//= $special ?>