Id-deputat estremista tal-lemin, Geert Wilders, ikkonferma li se jkompli bil-kampanja elettorali tiegħu….Dan sar magħruf ftit jiem biss wara li hu sospenda l-attivitjiet minħabba rapporti li hu kien spiċċa mira potenzjali ta’ suspettat kumplott kontra l-ħajja ta’ xi politiċi fl-Olanda u l-Belġju.
Il-kumplott kien qed jitfassal proprju fil-Belġju u Wilders – li hu l-aktar politiku kontroversjali fl-Olanda – kellu jħassar numru ta’ dibattiti politiċi fuq ir-radju u t-televiżjoni fuq il-parir tal-aġenti għal kontra t-terroriżmu,
Geert Wilders ilu s-snin imexxi kampanja kontra l-Islam u l-immigrazzjoni u meta hu fost l-aktar politiċi segwiti f’pajjiżu.
Intant, fl-aħħar sigħat, kienu arrestati tlett irġiel fil-Belġju wara li l-investigaturi lokali sabu splussiv li s-suspettati, allegatament, kienu qed jippjanaw biex jużawh waqt attakk bi drone fuq il-politiċi markati għall-mewt.
Il-Prosekuturi qalu li r-rejds tal-pulizija fil-Belġju kienu parti minn investigazzjoni dwar ‘attentati ta’ terroriżmu u l-parteċipazzjoni ta’ xi nies fl-attivitajiet ta’ grupp terroristiku’.
Dan meta l-Prim Ministru Belġjan, Bart De Wever, anki identifika lil xi Ministri tal-Gvern tiegħu bħala ‘miri għal attakki potenzjali’.
//= $special ?>