“Huwa minnu li fil-bajja ta’ San Ġorġ ikun hemm kontaminazzjoni ta’ drenaġġ fil-baħar – imma mhux tort tal-Gvern, anzi tort tal-istabbilimenti kummerċjali.” Dan intqal mill-Ministru Miriam Dalli wara li l-eks Ministru Evarist Bartolo kkwota studju mill-Professur Victor Axiaq fejn ingħad li ż-żieda fost l-oħrajn fil-popolazzjoni affettwat il-kwalità tal-baħar għax żdiedet il-kontaminazzjoni tal-E.coli meta jfur id-drenaġġ fil-bajjiet, b’Evarist Bartolo jisħaq li l-kontaminazzjoni żdiedet l-aktar fil-bajja ta’ San Ġorġ. Fatt li kkonfermatu saħansitra l-Ministru Miriam Dalli meta pparagunat ma’ bajjiet oħrajn.
Madanakollu, il-Ministru qed tibqa’ tinsisti li dan mhux tort tal-Gvern iżda tal-istabbilimenti kummerċjali u oħrajn terzi.
Il-Ministru baqgħet tinsisti li mhux vera li l-Bajja San Ġorġ se ssir l-agħar waħda u toqgħod fuq stqarrijiet uffiċjali – minkejja li l-eks Ministru Evarist Bartolo insista li sal-2013, ċioè taħt Gvern Nazzjonalista, din il-bajja kienet fost l-aktar indaf u bi kwalità tajba ħafna ta’ baħar għall-għawm…imma issa qed issir l-agħar waħda.
Il-Ministru Miriam Dalli saħqet li anke fil-każ tal-Bajja tal-Balluta wkoll m’għandux x’jaqsam il-Gvern u s-sistema tiegħu – iżda tort tal-privat.
Intant bħala Membru tal-Kabinett tal-Ministri staqsejniha kif se jkun qed jindirizza l-kriżi tat-traffiku f’dan il-budget – b’Miriam Dalli tispjega li l-Gvern diġà ħa numru ta’ inizjattivi. Madanakollu nsistiet li din il-problema hija reali.
//= $special ?>