Nathan ġab flimkien il-qlub tal-Maltin u Għawdxin – f’mument ta’ mħabba u apprezzament. Li kieku nġorru dan il-mument tant emozzjonanti ta’ mħabba kull ġurnata – id-dinja li ngħixu fiha tkun ferm aħjar bil-qabda.
Sostnew dan il-ġenituri ta’ Nathan, iċ-ċkejken tarbija ta’ sena li tilef ħajtu traġikament il-ġimgħa li għaddiet f’karozza fil-parkeġġ tal-Isptar Mater Dei.
Huma kitbu messaġġ mill-aktar emozzjonanti fuq il-media soċjali, filwaqt li ppubblikaw ukoll ġabra ta’ ritratti ta’ binhom – li jixhdu l-memorji sbieħ li gawdew flimkien fl-aħħar 12-il xahar.
Alistair u Daniella Chetcuti saħqu li jinsabu verament grati lejn dawk kollha li bxi mod jew ieħor taw sostenn bi kliem ta’ mħabba f’dawn il-jiem li fihom sellmu liċ-ċkejken tagħhom.
Huma fissru kif kull messaġġ u tgħannieqa li rċevew sabu fihom wens f’nofs din id-dieqa kollha.
Dan filwaqt li rringrazzjaw lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg u l-Mexxej Laburista Robert Abela – flimkien ukoll ma’ Deputati Parlamentari li attendew iċ-ċerimonja taċ-ċelebrazzjoni tal-ħajja ta’ Nathan. Irringrazzjaw ukoll fost oħrajn lil dawk kollha li b’xi mod taw l-għajnuna tagħhom fosthom in-Nursery tal-Futbol taż-Żebbuġ Rangers flimkien ukoll mal-Każin Banda San Filep u l-istaff, lill-ġenituri u l-istudenti tal-iskola Primarja ta’ San Ġwann.
//= $special ?>