Opinjoni

OPINJONI: Entużjażmu ġdid

Justin Schembri
Shadow Minister għall-Edukazzjoni

Meta Alex Borg ġie elett Kap tal-Partit Nazzjonalista, konna qed nistennew riġenerazzjoni ta’ xeħta pożittiva, ħeġġa u enerġija — u dawn l-elementi, illum mhux biss qed ikunu espressi fi kliem, iżda qed jinħassu wkoll fil-politika prattika tal-Partit u fil-partitarji tiegħu. F’dan l-artiklu tiegħi llum se nipprova nifhem ftit x’inhu l-aspett pożittiv li qiegħed iwelled ħafna ottimiżmu, u tama raġjonevoli.

L-elezzjoni ta’ Borg bħala Kap ma kinitx biss bidla ta’ persuna fit-tmexxija, imma kienet bidla fil-perspettiva. Mill-bidu nett, deher b’mod ċar li l-elezzjoni interna għall-Kap tal-Partit kienet qiegħda ġġib ħafna enerġija li nħasset fl-attendenzi tal-partitarji li ssarrfu fl-ideat diskussi u pjanijiet konkreti. Illum nistgħu ngħidu li dan l-element vibranti għadu jinħass u qiegħed ikollu anke impatt fuq is-sondaġġi, li minkejja mhux jaqblu fin-numru, ilkoll qed juru titjib għal Alex Borg bħala Kap tal-Oppożizzjoni u tnaqqis fid-distakk bejn iż-żewġ Partiti ewlenin.

Ġenerazzjoni Żagħżugħa

Borg huwa wieħed mill-iżgħar kapijiet fl-istorja tal-politika Maltija li ngħata l-opportunità jmexxi Partit. Din minnha nfisha hija sinifikanti għaliex fi żmien fejn iż-żgħażagħ mhumiex daqstant interessati fil-politika, illum għandna lill-Partit Nazzjonalista li jista’ jappella direttament għaż-żgħażagħ li jridu jaraw fil-politika sens akbar ta’ realiżmu li jolqothom. Borg, jidhirli li dan qiegħed joffrihulhom u għalhekk ir-rispons diġà qiegħed juri sinjali sbieħ. Barra minn hekk, l-element żagħżugħ inissel sens ta’ ottimiżmu u tama li l-bidla ġenerazzjoni tista’ ġġib mentalità rebbieħa.

L-enfasi tiegħu fuq iż-żgħażagħ mhux bħala futur imma bħala komponent attiv tal-preżent turi kemm qed jipprova jġib lill-poplu kollu bħala parti mill-Partit Nazzjonalista li għandu rwol ċentrali fit-tmexxija tal-pajjiż. Bħala eżempju nistgħu nieħdu, il-“Youth Think Tank” li ħabbar u li huwa wieħed minn dawk il-passi ċari li jirriflettu li l-Partit mhux qed ikun statiku imma jrid jaħseb, jifhem, u jfittex is-soluzzjonijiet għall-isfidi u l-problemi li għandu l-pajjiż u li ħafna drabi jingħataw il-ġenb.

Il-kommunikattiva

Fl-approwċ politiku tiegħu, Alex Borg qed jitkellem b’mod miftuħ u mhux biss għal dawk li jaqblu miegħu jew li huma affiljati mal-partit, iżda qed joħloq klima politika inklussiva li fiha tinkludi wkoll lil dawk li mhux neċċessarjament isegwu l-politika jew inkella lill-Partit Nazzjonalista. Dan l-immaġni l-ġdid, ifittex li jwessa’ dejjem aktar is-sens inklussiv tal-Partit li ma jistax jibqa’ aktar dipendenti fuq l-eluf li jissapportjawh imma jrid ifittex voti ġodda, iħajjar nies ġodda u jappartjeni b’mod miftuħ għal min tilef l-entużjażmu fil-politika minħabba elf raġuni.

Il-ħatra ta’ persuni ġodda fosthom ukoll żgħażagħ jistgħu flimkien joffru ideat ġodda li jfejqu l-monotonija politika u qed juru li Borg lest jiftaħ il-bibien tal-Partit b’modi li forsi sal-lum ma kinux qed iħallu biżżejjed frott. Madankollu, huwa important li jkun hemm trasparenza, kontabbiltà u opportunità għal kulħadd sabiex il-PN ikun fuq quddiem fil-kwistjonijiet li l-aktar iħallu impatt fuq il-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Wara l-maratona ta’ nhar il-Ħadd li għadda, Borg wera sens altruwist li rari naraw fil-politika. Minkejja li l-Partit Nazzjonalista għandu diversi diffikultajiet fil-finanzi tiegħu, xorta waħda kkommetta ruħu li jagħti mill-ftit li għandu biex isaħħaħ dak li jemmen fih fid-diskors bl-azzjoni. Mela, il-fatt li 1% mill-qliegħ li sar mill-maratona se jmur għal kawża ġusta sabiex tingħata għajnuna lil żewġ Għaqdiet Non-Governattivi (NGOs) li jittrattaw is-saħħa mentali, juri rieda u impenn li bħala Partit irridu nwettqu b’azzjonijiet konkreti u mhux biss bid-diskors. Din hija politika li allura ma tibqax magħluqa aktar fid-Dar Ċentrali imma tmiss il-qlub u l-imħuħ tal-Maltin u l-Għawdxin. Dawn huma inizjattivi żgħar li jwasslu messaġġ qawwi.

F’Alex Borg diġà qegħdin naraw sens ta’ perseveranza u kuraġġ, tama għall-vulnerabbli, ottimżmu realistiku, konnessjoni diretta mal-bniedem hemm barra, sens qawwi ta’ politika prattika u impenn lejn is-soluzzjonijiet.

Is-suċċess

Ma nistgħux ninsew li enerġija pożittiva waħedha ma għandhiex tiġi milqugħa bħala suċċess awtomatiku, anzi, trid tkun organizzata u ċċentrata. Neħtieġu aktar organizzazzjoni interna, aktar strutturi li jappoġġjaw lid-Deputati, lill-Kunsilliera Lokali u lill-kandidati, u rridu nkunu wkoll deċiżivi billi nieħdu deċiżjonijiet serji u dixxiplinati kontra dawk li qegħdin ifixklu l-proċess politiku naturali fi ħdan il-Partit stess. Ebda suċċess ma jasal jekk mhux bis-sagrifiċċji, jekk mhux bid-deċiżjonijiet it-tajba, u nemmen li l-Partit Nazzjonalista issa jrid jisfrutta dan il-mument biex ibiddel dak li mhux jaħdem mingħajr ma nibqgħu nemmnu li qiegħed jaħdem għax dejjem hekk għedna. In-nies hemm barra tridna nkunu onesti, u rridu nibdew billi nkunu onesti magħna nfusna, inbiddlu u nalternaw biex niġġeddu verament.

Kollox ma’ kollox, jidher li dan huwa mument pożittiv ħafna, u rridu nżommuh fl-attwalità tiegħu. Ilkoll irridu nkomplu naħdmu, nirsistu u nimpenjaw ruħna li permezz tal-politika nistgħu nfejqu l-ġrieħi ta’ nazzjon marid bil-korruzzjoni u n-nepotiżmu. Nemmen li Alex Borg, għandu f’idejh opportunità tajba ħafna biex ibiddel il-futur ta’ dan il-pajjiż.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 15 ta’ Ottubru, 2025.