George Muscat
Kandidat
Partit Nazzjonalista
F’dawn l-aħħar jiem żewġ surveys pubbliċi wasslu messaġġ wieħed qawwi u ċar: il-bidla mhix biss mixtieqa imma kulma jmur qiegħed jirriżulta li hija possibbli.
Il-poplu Malti u Għawdxi qiegħed juri bl-aktar mod ċar li hu mdejjaq b’din it-tip ta’ tmexxija ta’ Gvern Laburista fejn kollox hu mibni fuq kif wieħed se jistagħna; fuq kif wieħed se jħaxxen butu; fuq kif wieħed se jkompli jiekol b’aktar minn ħalq wieħed.
Ir-riżultati ta’ dawn is-surveys jagħtuna kuraġġ, enerġija u determinazzjoni ġdida biex inkomplu naħdmu, naffrontaw l-isfidi u naslu – flimkien mal-poplu li qed jagħti s-sinjal ċar tiegħu.
L-ewwel survey juri tkabbir konsistenti fil-fiduċja lejn il-Partit Nazzjonalista taħt it-tmexxija friska ta’ Alex Borg. Għalkemm ilu ftit fil-kariga, il-Kap il-ġdid qed jirnexxielu jgħaqqad enerġija ġdida ma’ valuri sodi u diskors li jolqot lin-nies dirett fil-qalb. Mhux qed jitkellem biss, imma qiegħed ukoll jisma’ u jħoss il-polz tan-nies. U n-nies qed jirrispondu.
Gvern Laburista għajjien
It-tieni survey jikkonferma li l-Gvern immexxi minn Robert Abela jinsab taħt pressjoni reali. M’għadux jgħaddi b’xejn. Ma baqgħux jaħarbu mill-kritika. Ir-rabja tal-poplu għat-tkaxkir tas-saqajn fuq il-governanza, l-ambjent, l-isptarijiet u l-kwalità tal-ħajja bdiet tidher ċar ukoll fil-pajpijiet tan-numri. U b’Kap ġdid quddiemu, il-Gvern ta’ Robert Abela jidher li hu għajjien, mifxul u bla direzzjoni ċara.
Għalina, dawn ir-riżultati ma jfissrux li nistgħu noqogħdu fuq mejda u nifirħu. Le. Iffissru li rridu naħdmu iktar, nisimgħu aktar, u nippruvaw saħansitra aktar. Huma xhieda li l-messaġġ tagħna qed jasal u li qed jinstema’ ħafna iktar milli jippretendu xi wħud.
Il-poplu mhux beżgħan aktar. Il-poplu lest li jerġa’ jemmen. U din hi r-rebħa l-kbira tagħna mhux bil-kliem, imma b’dak li qed naraw b’għajnejna u nħossu fil-mumenti ta’ kuljum.
L-appoġġ qed jiżdied. L-impenn tagħna hu li dan l-appoġġ nagħmlu minnu forza kbira ta’ bidla. Għax jekk sal-lum wasalna s’hawn, flimkien, bl-istess pass u bil-ħeġġa ġdida, naslu aktar.
Grazzi minn qalbna – għax dan mhux survey li għamel il-bidla… iżda intom. U issa, mmexxijin b’Alex Borg, verament għaddejjin għall-fażi li jmiss.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 12 ta’ Otttubru, 2025.
//= $special ?>