Lokali

PEN Malta tfakkar it-tmien snin mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia

“Tmien snin ilu nħsadna bi traġedja li f’Malta ma kellhiex preċedent. Tmien snin ilu xi ħadd iddeċieda li jwettaq assassinju fuq persuna li għażlet li, minflok tgħix ħajja komda, toħroġ għonqha biex ixxandar fatti fl-interess tal-pubbliku iżda mhux fl-interess tal-korrotti.”

Kien b’dan il-mod li l-assoċjazzjoni PEN Malta fakkret it-tmien snin anniversarju mill-assassinju tal-ġurnalista, Daphne Caruana Galizia fejn tenniet li kellha tkun din il-ġrajja kerha li ġġibna f’sensina u turina li meta ngħidu li l-verità tweġġa’ nkunu qegħdin nistgħu nfissru żewġ affarijiet: iddejjaq lil min qed jinkixfilu dnubu, u tista’ tweġġa’ lil min, bħal Daphne, tispiċċa biex twasslu għall-mewt.

L-assoċjazzjoni kompliet tgħid li l-jum tas-16 t’Ottubru għandu l-għan li jfakkarna tassew l-importanza li lkoll inġeddu l-impenn favur id-dritt tal-espressjoni libera. Temmet tisħaq li dak li seħħ lil Daphne tmien snin ilu ma jista’ qatt jitħalla jmut.