Lokali Qorti

Protest ġudizzjarju mill-familja ta’ Matthew Bartolo fuq dak li qed issejjaħ ‘falliment fl- investigazzjoni’

Il-familja ta’ Matthew Bartolo, iż-żagħżugħ ta’ 17-il sena li tilef ħajtu f’inċident fuq il-post tax-xogħol fid-ditta Construct Furniture fl-4 ta’ Ġunju 2015, ressqet protest ġudizzjarju kontra l-Kummissarju tal-Pulizija, il-President tal-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) u l-Avukat tal-Istat.

Dan sar wara li l-Qorti nhar it-Tlieta illiberat lid-direttur u żewġ uffiċjali tad-ditta mill-akkuża ta’ omiċidju involontarju. Fil-każ kriminali, id-direttur tal-kumpanija John Agius, il-floor manager, Amanda Cefai, li hija bintu u żewġha, is-supervisor tal-ħaddiema James Cefa; kienu akkużati li kellhom sehem fil-mewt traġika ta’ Bartolo.

Il-Qorti, iżda, ħelsithom mill-akkuża prinċipali ta’ omiċidju involontarju, filwaqt li kkundannat lil Agius biss għal nuqqas ta’ valutazzjoni tar-riskju meta impjega lil Bartolo u mmultatu €7,000. Il-familja, permezz tal-avukati tagħhom Jason Azzopardi, Kris Busietta u Alessandro Farrugia, sostniet fil-protest li s-sentenza tal-Qorti tenfasizza nuqqasijiet serji u evidenti fil-koordinazzjoni bejn il-Pulizija u l-OHSA waqt l-investigazzjoni.

Il-protest jikkwota osservazzjonijiet tal-Qorti li qajmet mistoqsijiet dwar in-nuqqas tal-prosekuzzjoni li tressaq lill-inġinier Nick Bellizzi, li kien ċertifika l-magni f’kumpanija fl-2012 u kellu jwettaq valutazzjoni tar-riskju fuq is-sistema kollha.

Skont il-familja, kien ċar li Bellizzi kellu r-responsabbiltà tas-sigurtà tal-magni, iżda l-prosekuzzjoni naqset milli turi jekk Construct Furniture kellhiex uffiċjal responsabbli għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Huma qalu li l-Qorti kkritikat bil-qawwa l-mod kif ġiet immaniġġjata l-investigazzjoni, u rrikonoxxiet li kien hemm nuqqas gravi ta’ komunikazzjoni u organizzazzjoni bejn il-korpi investigattivi.

Il-protest ifakkar ukoll li diġà fl-2018 il-familja kienet ressqet protest ġudizzjarju simili kontra l-istess awtoritajiet, fejn kienet wissiet dwar in-nuqqas ta’ koordinazzjoni bejn il-Pulizija u l-OHSA u l-effett negattiv li dan kien qed ikollu fuq il-proċeduri kriminali.

Il-familja qalet li l-osservazzjonijiet tal-Qorti issaikkonfermaw dak li kienu ilhom isostnu għal snin: li l-falliment fl-investigazzjoni u fil-prosekuzzjoni wassal biex dawk mixlijin ġew meħlusa mill-akkużi. Fil-protest tagħhom, il-familja qalet b’mod ċar li ġiet miċħuda l-ġustizzja minħabba l-imġiba u n-nuqqas ta’ koordinazzjoni bejn il-Pulizija u l-OHSA, u li dan jammonta għal ommissjoni serja ta’ dmir min-naħa tagħhom.

Il-familja ddikjarat li se żżomm lill-korpi responsabbli għad-danni li sofriet bħala riżultat tal-investigazzjoni falluta u l-prosekuzzjoni ineffettiva.