Il-Qorti tal-Maġistrati, preseduta mill-Maġistrat Kevan Azzopardi, ikkundannat liċ-ċittadin Ċiniż ta’ 63 sena, De Quan Feng, għal sitt snin ħabs wara li sabitu ħati li traffika tliet nisa Ċiniżi u sfruttahom fil-prostituzzjoni taħt l-iskuża li kienu qed jaħdmu f’servizzi ta’ massaġġi.
Feng, li kien jgħix f’San Pawl il-Baħar, instab ħati ta’ traffikar ta’ bnedmin, tmexxija ta’ burdelli u użu ta’ postijiet għall-prostituzzjoni, iżda illiberah mill-akkuża li kien jgħix mill-profitti tal-prostituzzjoni, wara li l-vittmi stess xehdu li kienu jitħallew iżommu l-flus li jaqilgħu mill-massaġġi.
Il-każ imur lura għal Lulju tal-2014, meta l-Pulizija wettqu rejd f’diversi ‘massage-parlours’ f’Santa Venera u f’Raħal Ġdid wara informazzjoni li wieħed minnhom, bl-isem ta’ Golden Fingers, kien qed jintuża bħala burdell.
L-investigazzjonijiet wrew li Feng kien is-sid ta’ dak l-istabbiliment kif ukoll ta’ tnejn oħra li kienu jinsabu f’Raħal Ġdid u fir-Rabat. Matul dawn ir-rejds, il-Pulizija sabu tliet nisa Ċiniżi li kkonfermaw li Feng kien ġabhom Malta u ordnalhom jagħtu massaġġi erotici lil klijenti.
L-investigaturi tkellmu wkoll ma’ diversi klijenti li kkonfermaw li kienu ngħataw servizzi sesswali. Fil-qorti, in-nisa rrakkontaw kif Feng kien jheddidhom u jċaħħadhom mill-għajnuna biex isibu xogħol ieħor jekk ma jaċċettawx jagħtu l-massaġġi erotici.
Qalu wkoll li kien iżomm il-permessi tax-xogħol tagħhom bħala mezz ta’ kontroll u pressjoni. Il-Qorti ddeskriviet it-traffikar tal-bnedmin bħala “reat serju ħafna”, u enfasizzat li ebda persuna ma għandha tibbenefika mill-isfruttament ta’ oħrajn.
Il-maġistrat osserva li “it-tliet nisa ġew Malta bit-tama li jsibu ħajja aħjar, iżda dik it-tama ntemmet meta sabu ruħhom skjavi, jaħdmu sigħat twal u kontra r-rieda tagħhom.” Bħala riżultat, il-Qorti kkundannat lil Feng għal sitt snin ħabs u ordnatlu jħallas €7,767 fi ħlasijiet ta’ esperti.
Barra minn hekk, revokat il-liċenzji tal-“massage-parlours” kollha tiegħu u ħarġet ordni ta’ protezzjoni ta’ tliet snin favur il-vittmi.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi tal-Pulizija Sylvana Gafa u Joseph Busuttil, filwaqt li l-Maġistrat Kevan Azzopardi ppresieda tal-kawża.
//= $special ?>