Lokali Qorti

Xahrejn ħabs għal uffiċjal tal-Pulizija… deskritt mill-Qorti li aġixxa ta’ “annimal” meta sawwat tifel f’Paceville

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, sabet lil Kurt Jenkins, uffiċjal fil-Korp tal-Pulizija, ħati ta’ vjolenza gravi kontra żagħżugħ taħt l-età li kien diġà miżmum u ristrett waqt arrest li seħħ f’Paceville fis-5 ta’ Jannar 2025.

Il-maġistrat ikkundannatu għal xahrejn ħabs effettivti, billi kkundannat il-kondotta tiegħu bħala abbuż serju ta’ awtorità u eżerċizzju esaġerat ta’ forza kontra persuna vulnerabbli. Jenkins, li kien ilu jservi fil-Rapid Intervention Unit (RIU) mill-2018, kien qiegħed ‘overtime’ meta seħħ l-inċident madwar nofs il-lejl u nofs.

Il-provi ewlieni fuq liema ħadet is-sostenn tagħha l-Qorti kienu filmat minn diversi bodycams li kienu jintlibsu mill-pulizija preżenti fuq il-post. Il-filmati juru lil Jenkins jagħti mill-inqas tliet daqqiet b’saħħithom u li kien marbut b’manketti u mimdud mal-art, waqt li dan kien jiskula b’mod ripetut u jitlob li jċempel lil ommu.

Il-filmati juru wkoll lil Jenkins jidħol f’taqbida verbali u jagħmel użu minn kliem offensiv u degradanti, saħansitra jiġbed lit-tifel bil-forza minn fuq turġien, b’mod li l-Qorti ddeskriviet bħala “ta’ raġel aggressiv u vjolenti anke lejn tifel ta’ nofs id-daqs tiegħu”.

Il-Maġistrat qalet li l-imġiba ta’ Jenkins kienet “arroganti, intimidanti, ta’ bully, u kompletament inkompatibbli ma’ dak li għandu jkun uffiċjal tal-liġi”, li huwa obbligat jaġixxi b’rispett lejn id-dinjità umana u b’kontroll assolut fuq l-użu tal-forza.

Ix-xhieda medika kkonfermat li t-tifel sofra ġrieħi konsistenti ma’ trawma minn daqqiet bil-qawwa, konformi ma’ dak li deher fil-filmati. Il-Qorti faħħret l-użu tal-bodycams, tiddeskrivihom bħala “għodda essenzjali ta’ trasparenza u rendikont pubbliku” li jsaħħu l-fiduċja tan-nies fil-ħidma tal-Pulizija.

Il-ġudizzju kien partikolarment qawwi fil-kritika tiegħu lejn Jenkins, billi l-Maġistrat ikkwotat li l-aġir tiegħu kien “ta’ annimal, mhux ta’ uffiċjal tal-liġi”, u li permezz ta’ dawn l-atti hu kien “insulta u ċaħħad l-uniformi tiegħu minn kull sens ta’ rispett”.

Il-Qorti sostniet li Jenkins abbuża mill-poter li l-Istat fdalu fuqu, u li b’imġiba bħal din ikun qed tkisser il-fiduċja pubblika fil-Korp tal-Pulizija, li huwa mibni fuq dixxiplina u integrità stretta.

Waqt li kkonkludiet li l-provi kienu ċari u konvinċenti, il-Qorti sabet lil Jenkins ħati li kkaġuna ġrieħi, ħati ta’ mġiba offensiva u ta’ theddid, kif ukoll ħati li naqas milli jwettaq id-dmirijiet ta’ superviżjoni skont il-Kodiċi Kriminali. Il-Maġistrat enfasizzat li l-fatt li l-vittma kien żagħżugħ taħt l-età jikkostitwixxi ċirkostanza aggravanti, u rreferiet għal emendi reċenti fil-liġi Maltija li jipprojbixxu kull forma ta’ kastig korporali u li jsaħħu l-protezzjoni ta’ persuni vulnerabbli.

Il-Qorti ordnat ukoll li kopja tas-sentenza tintbagħat lill-Ministru tal-Ġustizzja, lill-Avukat Ġenerali, u lill-Kummissarju tal-Pulizija sabiex jittieħdu l-passi amministrattivi u dixxiplinarji meħtieġa.

B’dan, il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ikkonkludiet li l-aġir ta’ Kurt Jenkins kien abbuż gravi ta’ poter u ksur fundamentali tal-etika professjonali, li ma jistax ikun ittollerat fi ħdan forza li suppost teżerċita l-awtorità tagħha b’raġuni, b’rispett u mhux bil-vjolenza.