Local Lokali Qorti

Jitressaq ir-raġel Kroat mixli bi traffikar ta’ 76 kilo kokaina b’valur fit-triq ta’ €9 miljuni

Raġel Kroat ta’ 45 sena, identifikat bħala Nenad Kovacic, imwieled Zagreb, li ġie arrestat wara li l-Pulizija sabet ammont rekord ta’ madwar 76 kilogramma ta’ kokaina suspettata li kienet maħżuna f’karozza u fid-dar tiegħu f’Għawdex, inżamm arrestat wara li tressaq fil-Qorti ta’ Għawdex b’rabta ma’ din is-sejba. Il-valur tad-droga fis-suq jlaħħaq madwar id-€9 miljun.

L-investigazzjoni, li kienet il-frott ta’ diversi jiem ta’ sorveljanza intensiva bejn Malta u Għawdex, kienet imwettqa mid-Dipartiment tal-Operazzjonijiet tal-Pulizija kontra d-Droga. L-uffiċjali waqfu vettura tat-tip Toyota Rav4 fil-Port tal-Imġarr, Għawdex, nhar it-Tlieta. Meta saret tfittxija fil-karozza, instabu 18-il kilogramma ta’ sustanza suspettata li kienet kokaina moħbija b’mod sofistikat.

Wara dan is-sejbien, il-pulizija estendiet it-tfittxijiet lejn id-dar tal-imputat fi Triq ta’ Gajdoru, Xagħra, fejn instabu 58 kilogramma oħra tal-istess sustanza, kif ukoll numru ta’ pjanċi ta’ reġistrazzjoni li kienu jappartjenu għal vetturi differenti.

Il-Maġistrat Simone Grech ġiet infurmata immedjatament bil-każ u ħatret inkjesta maġisterjali sabiex issir investigazzjoni dettaljata. Fil-Qorti, Nenad Kovacic ġie akkużat li kellu fil-pussess tiegħu droga kokaina elenkata fl-Ewwel Skeda tal-Ordinanza dwar il-Mediċini Perikolużi (Kap. 101 tal-Liġijiet ta’ Malta) mingħajr awtorizzazzjoni jew liċenzja, li assoċja ruħu ma’ oħrajn biex jittraffika jew ibigħ din id-droga, kif ukoll li forna jew ipprokura l-istess mediċina mingħajr permess legali.

Barra minn hekk, ġie akkużat li saq il-vettura Toyota Rav4 mingħajr assigurazzjoni u mingħajr liċenzja tas-sewqan. Il-Prosekuzzjoni, hija mmexxija mill-Avukat Godwin Cini, mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u rappreżentata mill-iSpettur John Howard, Spettur Alfredo Mangion – talbet lill-Qorti sabiex, f’każ ta’ ħtija, tiġi ordnata l-konfiska tal-proprjetà kollha relatata, inklużi l-flus, il-vetturi u l-oġġetti misjuba waqt it-tfittxijiet.

Intalbet ukoll ordni ta’ qbid u ffriżar fuq l-assi kollha tal-imputat, kif ukoll il-ħlas tal-ispejjeż tal-esperti skont il-Kodiċi Kriminali li kienet milqugħa mill-Qorti. Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Simone Grech ordnat li l-imputat jinżamm taħt arrest preventiv filwaqt li tkompli l-investigazzjoni. Il-każ issa jinsab fil-fażi tal-inkjesta maġisterjali, b’aktar sejħiet ta’ xhieda mistennija fil-jiem li ġejjin. Għall-akkużat deher l-Avukat tal-Għajnuna Legali Daniel Calleja.