Lokali

“Fake News oħra mil-Labour, din id-darba wara ż-żjara suċċess tal-Kap tal-PN Alex Borg fi Brussell” – PN

Il-Partit Laburista jinsab f’paniku.

Quddiem il-ħidma bla waqfien li qed iwettaq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg favur it-titjib tal-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin, il-Labour qed ikompli joħroġ b’aktar Fake News.

Frott il-paniku li għandu, il-Labour issa ħareġ bil-ħrafa li ż-żjara tal-Kap tal-PN fi Brussell fl-aħħar jumejn kienet intiża biex b’xi mod jimbotta xi dibattitu li huwa kontra l-interessi ta’ Malta fl-istituzzjonijiet Ewropej.

Filwaqt li l-Labour, għax jinsab f’paniku, qed jigdeb u jipprova jivvinta li fi Brussell il-Kap tal-PN imbotta biex isir xi dibattitu fuq Malta, il-Partit Laburista lanqas biss induna li dan id-dibattitu ilu deċiż li se jsir minn ħafna qabel ma Alex Borg kien preżenti fi Brussell.

Agħar minn hekk, b’qerq, il-Labour ma qalx li dan id-dibattitu li jfakkar lil Daphne Caruana Galizia fl-anniversarju tal-assassinju tagħha se jsir għax qabel miegħu l-Grupp tas-Soċjalisti li l-Partit Laburista huwa membru tiegħu – grupp li l-Viċi President tiegħu mhu ħadd għajr id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Alex Agius Saliba.

Huwa għalhekk li din mhi xejn ħlief Fake News oħra, minn dawk li llum saru l-esperti tal-Fake News.

Għall-kuntrarju ta’ dak li qed jivvinta l-Labour, matul il-laqgħat li kellu fi Brussell, il-Kap tal-Oppożizzjoni ddiskuta suġġetti li qed jinkwetaw lill-poplu Malti u Għawdxi, fosthom l-istat tal-ambjent, il-kriżi tat-traffiku, il-prezzijiet dejjem jogħlew, il-ħolqien tal-impjiegi u l-ħtieġa li jkollna ekonomija kompetittiva billi nnaqqsu l-burokrazija, id-djalogu soċjali, il-ħtieġa ta’ politika Ewropea li tħares l-interessi ta’ gżejjer żgħar u fil-periferija, is-settur tas-sajd, imma wkoll is-sigurtà tal-fruntieri u l-paċi fir-reġjun.

Imma jidher ċar li s-suċċess tal-laqgħat li l-Kap tal-PN kellu ma’ diversi Kummissarju Ewropej, uffiċjali tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) u diplomatiċi Maltin inkwieta lill-Partit Laburista, li jinsab preokkupat għax qed jara li Alex Borg qed ikun effettiv u qed iġib riżultati konkreti għall-Maltin u l-Għawdxin anke fuq livell Ewropew.

U kull meta jkun f’paniku, il-Partit Laburista jinfexx fil-Fake News.

Filwaqt li l-Labour ikompli jkun negattiv, il-Partit Nazzjonalista jibqa’ determinat li jkompli jaħdem biex iħares l-interessi ta’ pajjiżna u jsaħħaħ il-vuċi tal-Maltin u l-Għawdxin anke fil-fora Ewropej.