Lokali

“Għad issir xi traġedja” – is-sitwazzjoni fl-Iskola Primarja ta’ San Ġorġ Ħal Qormi

Ritratti: Facebook

Soqfa jqattru. Ilma nieżel fuq switches tad-dawl. Kurutrui megħrqin.

Hija din is-sitwazzjoni diżastruża li qed iħabbtu wiċċhom magħha ċ-ċkejkin u l-għalliema tagħhom fl-Iskola Primarja ta’ San Ġorġ Ħal Qormi. Sitwazzjoni li ġiet imressqa ‘l quddiem permezz ta’ omm inkwetata fuq il-midja soċjali.

Flimkien ma’ ritratti u anke vidjows li juru ilma jqattar fuq switches u plugs tad-dawl, bramel fil-kuruturi jiġbru l-ilma, u soqfa li jidhru li għandhom ħsarat li qed iwassal sabiex jidħol l-ilma fl-iskola, din l-omm staqsiet “min hu responsabbli jekk isseħħ xi traġedja?”

Kienu bosta r-reazzjonijiet li qanqlet din il-post, b’bosta ġenituri jiktbu li huma xhieda ta’ din is-sitwazzjoni f’din l-iskola, sitwazzjoni ta’ periklu għal kulħadd.

Ritratti: Facebook

Oħrajn iddikjaraw li mbasta l-Gvern qassam il-laptops b’xejn, u mbagħad ħallew “bibien tal-klassijiet imbarrkati b’biċċa injama għax is-saqaf ikkundannat. Twieqi tal-medjuevu. Tapit tal-bitħa kollu nqala’. Tfal li jaqgħu fil-ħofor u jiġu ecce homo”.

Fejn saħanistra kien hemm omm inkwetata li b’qalba maqsuma esprimiet kif qalb il-ġenituri dejjem imtertqa “inkwiet li għad issir xi traġedja u jaqgħu s-soqfa fuq uliedna”.

Kienu anke diversi li stqarru li huma dawn l-affarijiet li qed jistennew mill-Gvern, li jpoġġi fuq quddiem is-sigurtà tat-tfal Maltin u Għawdxin u mhux “b’xi warda f’jum l-omm jew xi muffin”.

Intant, b’rabta ma’ din is-sitwazzjoni inkwetanti ferm, is-Shadow Minister għall-Edukazzjoni Justin Schembti permezz ta’ ittra mibgħuta, talab lill-Prinċipal tal-Kulleġġ sabiex hu flimkien max-Shadow Ministers Jerome Caruana Cilia u Ryan Callus u anke l-Minority Leader tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi Ralf Puli, b’mod immedjat iżuru din l-iskola.