Il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni tpoġġiet bħala mira ewlenija għal-leġiżlatura preżenti tal-Parlament Ewropew, u għal dan l-għan, l-MEPs iffurmaw kumitat speċjali li għandu l-għan jressaq serje ta’ proposti bl-għan li tissaħħaħ ir-reżiljenza demokratika kontra l-interferenza barranija u d-diżinformazzjoni.
Il-bżonn li l-Ewropa tissaħħaħ kontra din it-thedidda kompla jikber fl-aħħar xhur hekk kif bosta rapporti żvelaw indħil f’elezzjonijiet Ewropej u nazzjonali, b’pajjiżi bħar-Russja u ċ-Ċina jużaw mekkaniżmi u teknoloġija moderna, inkluż b’kontenut maħluq bl-intelliġenza artifiċjali, biex jimmanipulaw ir-riżultati elettorali. Fl-aħħar ġimgħat, dan l-istess aġir kien irrappurtat fuq il-kampanja elettorali fil-Moldova, bil-Gvern ta’ Moska għatxan li jimbotta partiti politiċi li jappoġġjaw lir-Russja.
Waqt intervent riċenti fil-Parlament Ewropew, il-Prim Ministru tal-Moldova Maia Sandu qalet li r-Russi fittxew bl-interventi tagħhom li jibdlu lil pajjiżha minn wieħed fuq l-għatba tal-Ewropa għal theddida għall-kontinent. Hija wissiet li l-lezzjoni u t-twissija ta’ pajjiżha hi li l-ebda demokrazija fl-Ewropa ma tista’ tkun moħħha mistrieħ.
Dan it-tħassib qed jinfirex mal-erba’ rjiħat tal-kontinent.
Stħarriġ tal-Ewrobarometru riċenti żvela li ż-żgħażagħ Maltin huma fost l-iktar imħassba minn dan il-fenomenu, hekk kif kważi sittin fil-mija tagħhom qalu li jemmnu li kienu esposti ta’ spiss għad-diżinformazzjoni. Din kienet l-ogħla rata fl-Unjoni Ewropea.
Il-Kumitat speċjali mwaqqaf mill-Parlament Ewropew qed jistudja miżuri marbuta mal-interferenza fuq il-pjattaformi soċjali, kontenut iġġenerat bl-AI u deepfakes li għandhom l-għan li jimmanipulaw l-informazzjoni. Il-ħidma tal-Parlament Ewropew mistennija tikkontribwixxi wkoll għall-inizjattiva aktar wiesgħs tal-Kummissjoni Ewropea, bl-isem ta’ European Democracy Shield, li se tindirizza l-aktar riskji serji għad-demokrazija fl-UE.
L-isforzi tal-Parlament Ewropew biex il-Gvernijiet tal-Istati Membri jagħtu aktar importanza lil din it-tema qed iħallu l-frott hekk kif inizjattivi li jqajmu għarfien dwar dan is-suġġett żdiedu bil-bosta fl-aħħar xhur. Anke pajjiżna, fid-dawl tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Ewropa, dan is-suġġett ingħata post prominenti fuq l-aġenda.
Waqt konferenza organizzata f’pajjiżna fl-aħħar jiem mill-istess Presidenza, Bjorn Berge, Viċi Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa sostna li d-diżinformazzjoni, fil-preżent, toħloq riskji akbar saħansitra mill-gwerra, mit-temp estrem u mit-tniġġis, hekk kif għandha impatt qawwi fuq id-demokrazija. Fost is-soluzzjonijiet, is-Sur Berge qal li għandu jsir użu aħjar mill-AI biex tiġi miġġielda d-diżinformazzjoni, għandu jiżdied il-ħarsien tal-ġurnalisti fid-dawl tar-rwol importanti li għandhom biex iwasslu informazzjoni ta’ min joqgħod fuqha u għandu jkun hemm aktar kollaborazzjoni mal-pjattaformi diġitali.
Huwa insista wkoll li għandu jkun hemm investiment akbar fl-edukazzjoni, permezz tal-litteriżmu fil-qasam tal-media, bl-għan li ċ-ċittadini jkunu kapaċi iżjed biex jagħrfu l-informazzjoni veritiera minn dik falza.
Fil-ħidma riċenti tiegħu, il-Parlament Ewropew saħaq ukoll fuq l-importanza ta’ infurzar b’saħħtu tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali, liġi li daħlet fis-seħħ is-sena li għaddiet u li tpoġġi responsabbiltajiet kbar fuq il-kumpaniji diġitali bħal Meta, Google u Tiktok fejn jidħol tixrid ta’ diżinformazzjoni.
Dan il-kontenut huwa ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea mill-għotijiet tal-Parlament Ewropew fil-qasam tal-komunikazzjoni. Il-Parlament Ewropew ma kienx involut fit-tħejjija tiegħu u, f’ebda każ, m’hu responsabbli jew marbut mal-informazzjoni u l-opinjonijiet espressi. Skont il-liġi applikabbli, l-awturi, il-persuni intervistati, u l-pubblikaturi huma responsabbli mill-kontentut. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għal danni diretti jew indiretti li jistgħu jirriżultaw mill-pubblikazzjoni ta’ dan il-kontenut.
