Il-poplu Malti u Għawdxi għadu qed jibqa’ jiġi mċaħħad mill-verità dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Tmien snin wara li nqatlet, il-qraba tagħha, il-ħbieb tagħha, u kull min kien jammiraha baqgħu bla ġustizzja.
Kull meta jiġu mistoqsija dwar dan l-assassinju, Robert Abela u l-Ministri tiegħu b’mod konvenjenti jirreferu għall-Inkjesta Pubblika u jgħidu li hemm persuni għaddejjin proċeduri legali b’rabta mal-każ.
Dan la jagħti xi tip ta’ serħan lill-qraba ta’ Daphne Caruana Galizia u lill-poplu u wisq anqas iwettaq ġustizzja.
L-Inkjesta Pubblika ġiet konkluża aktar minn erba’ snin ilu u sal-lum il-Gvern għadu ma implimentax ir-rakkomandazzjonijiet li sarulu. Din l-istess Inkjesta lill-Gvern sabitu ħati li ħoloq atmosfera ta’ xejn mhu xejn li wasslet għall-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li fil-konklużjonijiet tagħhom, it-tliet Imħallfin li mexxew l-inkjesta dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia stqarrew hekk:
“…ma hemm xejn x’jindika li l-assassinju ma seħħx għal raġunijiet direttament marbuta mal-investigazzjonijiet li kienet qed tagħmel is-Sinjura Caruana Galizia fuq allegazzjonijiet serji ta’ amministrazzjoni pubblika ħażina, ta’ abbuż ta’ poter u korruzzjoni”.
Jekk il-Gvern immexxi minn Robert Abela ma jridx ikun aktar marbut mal-istess Gvern immexxi mill-predeċessur tiegħu, jekk ma jridx jibqa’ taħt id-dell tiegħu, għandu minnufih jesiġi li jkunu implimentati r-rakkomandazzjonijiet kollha tal-Inkjesta Pubblika.
Il-Partit Nazzjonalista jsostni li jekk dan ma jseħħx, il-poplu tagħna qatt ma jista’ jkollu l-garanzija li l-Gvern mhux se jerġa’ jippermetti assassinju ieħor ta’ ġurnalist, kif instab li għamel mill-Imħallfin fil-każ ta’ Daphne Caruana Galizia.
//= $special ?>