Internazzjonali

Il-Hamas jiddikjara li għandu bżonn aktar żmien biex isib il-kumplament tal-ostaġġi

Ritratt: BBC

Il-Hamas iddikjara li rrilaxxa żewġ katavri oħra ta’ ostaġġi Izraeljani – dan skont il-ftehim għall-waqfien mill-ġlied ippreżentat mill-Istati Uniti u maqbul bejn Iżrael u l-Hamas.

Fi stqarrija, il-grupp terroristiku ddikjara li għandu bżonn aktar ħin u makkinarju speċjalizzat sabiex isib aktar mejtin f’Gaza. Dan filwaqt li anke spjega li huwa kommess li jżomm mal-fethim, u li rritorna l-katavri tal-ostaġġi kollha li rnexxielu jsib.

Rapporti internazzjonali qed jispjegaw illi jekk dawn il-katavri huma fost dawk fil-lista tal-ostaġġi, dan ikun ifisser li 19-il ostaġġ għadhom ma nstabux. U skont il-ftehim għall-paċi, il-Hamas għandhom immedjatament jirritornaw il-katavri ta’ 28 ostaġġ.

Minn naħa tiegħu, il-President tal-Istati Uniti Donald Trump tenna li l-Forzi Iżraeljani jistgħu jerġgħu jibdew bl-offensiva tagħhom ġaladarba l-Hamas ma jżommux mal-kundizzjonijiet tal-ftehim.