L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin sostnew li huma nġabru l-Belt il-Ħamis filgħodu mhux biss biex ifakkru lil Daphne Caruana Galizia, ġurnalista, omm, u persuna li ħabirket għall-verità, imma biex jirriflettu fuq l-effett profond li ħajjitha u l-qtil tagħha kellhom fuq is-soċjetà tagħna.
Pemezz ta’ stqarrija, huma fakkru kif tmien snin ilu pajjiżna tilef vuċi li kienet tisħaq fuq il-kontabbiltà u l-bżonn li tinkixef il-verità. Daphne ma kenitx sempliċiment ġurnalista; kienet xaqq ta’ dawl, ta’ tama, għal ħafna.
Huma sostnew li bil-kitbiet tagħha kixfet il-korruzzjoni, sfidat il-poter, u xeħtet id-dawl fuq l-iktar kantunieri mudlama tal-qasam politiku. Huma qalu li l-kuraġġ tagħha li titkellem kontra l-inġustizzja mar ferm lil hinn mix-xtut Maltin, wasal ’il bogħod… u jibqa’ jfakkarna li t-tfittxija għall-verità mhix biss ħidma professjonali imma obbligu morali.
Huma sostnew li hemm bżonn li l-ġurnaliżmu jiġi rikonoxxut bħala parti mill-pedament ta’ demokrazija b’saħħitha. Il-ġurnaliżmu huwa l-għodda li biha ċ-ċittadini jkunu infurmati u mħejjija biex iżommu lin-nies fil-poter kontabbli għal għemilhom. Meta l-ġurnaliżmu jirnexxi, id-demokrazija tissaħħaħ. Iżda meta l-ġurnaliżmu jkun mhedded, imsikket jew attakkat, it-tessut tas-soċjetà demokratika jiddgħajjef.
Huma semmew kif il-qtil ta’ Daphne ma kienx biss attakk fuq persuna waħda; kien attakk fuq id-dritt tal-espressjoni ħielsa u d-drittijiet tal-ġurnalisti kollha. Il-qtil ta’ Daphne kien twissija għal dawk involuti fil-ġlieda għall-verità – twissija li ħajjithom tista’ tkun fil-periklu għax qed ifittxu s-sewwa.
L-IĠM sostnew li jeħtieġ li ningħaqdu fil-ġlieda biex nipproteġu il-ġurnaliżmu u l-ġurnalisti. Hemm bżonn li neżiġu protezzjoni ikbar għal dawk li jitfgħu ħajjithom fil-periklu biex iwasslu l-aħbarijiet. Irridu nisħqu fuq liġijiet li jsaħħu l-libertà tal-istampa u jiżguraw li l-ebda ġurnalist ma jħossu mbeżża’ għax qed jagħmel xogħlu.
Il-ġlieda favur il-ġustizzja għal Daphne mhijix biss ġlieda biex il-ħatja tal-qtil tagħha jieħdu li ħaqqhom; imma hija wkoll ġlieda biex il-legat tagħha jibqa’ ħaj fit-tfittxija għall-verità. Huma qalu li jafuh lilha u lill-ġurnalisti li ġew ippersegwitati, u li jridu joħolqu ambjent sigur fejn il-ġurnalisti jistgħu jaħdmu b’mod ħieles mingħajr biża’ ta’ tpattija.
Huma qalu li flimkien irridu nkomplu naħdmu għal stampa ħielsa, inkomplu nisħqu għal aċċess għall-informazzjoni pubblika u nibqgħu nsusu għal politika li tipproteġi lill-ġurnalisti u tiżgura l-indipendenza tagħhom. Hemm bżonn ukoll li l-komunitajiet tagħna jiġu edukati dwar l-irwol importanti tal-ġurnaliżmu għall-ġid komuni, u l-bżonn li jieqaf it-theddid għall-ġurnaliżmu kemm jekk dan ikun f’forma ta’ vjolenza fiżika, ċensura jew intimidazzjoni.
L-ispirtu ta’ Daphne jibqa’ jgħix f’kull ġurnalist li b’mod kuraġġuż jirrakkonta l-istejjer li jeħtieġ ikunu magħrufa. Hekk kif qed niftakru fil-legat ta’ Daphne, hemm bżonn naffermaw il-bżonn li nipproteġu l-ġurnaliżmu bħala sies importanti għal demokrazija b’saħħitha. Flimkien, nistgħu noħolqu dinja fejn il-verità hija onorata; il-libertà mħarsa, u fejn il-ġustizzja tirbaħ.
//= $special ?>