Lokali

Il-Gvern jikkonferma li t-tfal u l-għalliema tal-Iskola f’Ħal Qormi se jkollhom jistennew sa Jannar biex jibda t-tender

Ix-xogħolijiet fl-Iskola Primarja ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi, skont it-tender, se jkunu qed jibdew f’Jannar tal-2026.

Hekk iddikjara l-Gvern Laburista permezz ta’ stqarrija uffiċjali, wara l-filmati xokkanti li qed jiċċirkolaw il-midja soċjali minn numru ta’ ġenituri li t-tfal tagħhom jattendu din l-istess skola.

Il-filmati u ritratti wrew soqfa jqattru l-ilma għal fuq plugs u switches tad-dawl, ħitan li jidhru li ġarrbu ħsarat estensivi bir-riżultat li issa, qed jidħol l-ilma fl-iskola.

Bil-ġenituri u anke l-għalliema jesprimu l-inkwiet tagħhom għar-riskju li huma flimkien maċ-ċkejkin li jattendu din l-iskola qed iġarrbu kuljum.

Intant, b’reazzjoni l-Ministeru ta’ Clifton Grima bagħat stqarrija li tgħid li nħareġ tender sabiex titranġa din l-iskola. Madanakollu, skont Grima, dan it-tender se jiġi aġġudikat fl-ewwel ġimgħa ta’ Novembru – cioè – madwar ġimgħatejn oħra.

Fl-istqarrija kien spjegat ukoll illi x-xogħolijiet se jinqasmu f’żewġ fażijiet, bl-ewwel fażi mistennija tibda f’Jannar tal-2026. Dan ifisser illi ċ-ċkejkin u l-għalliema f’din l-iskola, iridu jistennew madwar 3 xhur oħra sabiex jibda x-xogħol.

Intant, għalkemm ix-xogħolijiet tat-tender se jibdew f’Jannar fl-istess nifs il-Gvern qed jgħid li se jagħmel manutenzjoni immedjata – għalkemm ma ingħataw ebda dettalji.