Il-Partit Nazzjonalista jingħaqad mal-komunità internazzjonali biex ifakkar il-Jum Dinji tal-Ikel, u jtenni l-impenn sħiħ tiegħu li jkompli jkun ta’ sostenn għal dawk kollha li jaħdmu fil-qasam agrikolu u dak tas-sajd – b’mod partikolari l-bdiewa, ir-raħħala u s-sajjieda li jżommu ħaj is-settur tal-produzzjoni tal-ikel f’pajjiżna.
It-tema ta’ din is-sena tenfasizza kemm l-importanza li l-prodotti tal-ikel ikunu ta’ kwalità għolja kif ukoll ir-rwol essenzjali ta’ dawk li jipproduċuhom. Il-PN jemmen bis-sħiħ li kull konsumatur għandu d-dritt li jixtri prodotti tajbin bl-aħjar prezz, filwaqt li l-produtturi għandhom jingħataw l-għajnuna kollha meħtieġa biex il-ħidma tagħhom tkun waħda sostenibbli billi jonqos l-income gap bejn id-dħul finanzjarju minn attivitajiet agrikoli u dawk tas-sajd, u dħul minn attivitajiet oħra.
Fi stqarrija x-Shadow Minister għat-Trasport, l-Agrikoltura u s-Sajd Toni Bezzina u x-Shadow Minister għall-Inklużjoni u d-Drittijiet tal-Konsumatur Graziella Galea qalu li biex jintlaħaq dan il-għan, il-Partit Nazzjonalista jtenni l-impenn tiegħu li:
- joffri appoġġ kontinwu lill-bdiewa, raħħala u sajjieda lokali, b’mod speċjali dawk żgħażagħ, li huma l-futur ta’ dawn is-setturi;
- jagħti lis-sajjieda l-protezzjoni neċessarja meta joħorġu jistadu ’l barra;
- jassigura investiment f’riċerka, teknoloġija u infrastruttura li jtejbu l-kwalità tal-prodott lokali bl-aħjar prezz għall-konsumatur;
- jaħdem għal aktar trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam mal-kwalità u l-oriġini tal-prodotti fis-suq;
- jippromwovi edukazzjoni għall-konsumaturi biex jagħrfu u jagħżlu aħjar il-prodotti lokali ta’ kwalità.
Il-PN jemmen li l-valur tal-ikel jibda mill-oriġini tiegħu sa ma jasal sal-mejda, u li b’aktar koperazzjoni bejn il-produtturi u l-konsumaturi, nistgħu niżguraw futur aktar sostenibbli għall-katina tal-ikel f’Malta u Għawdex.
Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ impenjat li jara li s-settur agrikolu kif ukoll dak tas-sajd jikbru u jsiru aktar b’saħħithom, u l-konsumaturi jibbenefikaw minn prodotti ta’ kwalità li jagħtuhom valur veru għall-flus tagħhom.
Dan intqal
//= $special ?>