Mark Said
Opinjonista
Sena u data oħra li ma nistgħux nonqsu milli nfakkru l-anniversarju tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Apparti li nfakkru s-sittax ta’ Ottubru bħala jum ta’ kommemorazzjoni ad unur ta’ dak kollu li tirrappreżenta Daphne, huwa fondamentali li nifhmu sew it-tifsira ta’ dak l-avveniment brutali li seħħ tmien snin ilu.
Mhux dejjem u mhux kull ġurnalist hu tollerat li jiżvolġu l-professjoni tiegħu. Dawk li huma fil-poter u għandhom karigi għolja spiss jirreaġixxu, imma mhuwiex komuni li r-reazzjoni tkun li tiġi assassinata ġurnalista.
Huwa dak li ġara f’Malta fis-16 ta’ Ottubru, 2017. Dak il-qtil orrend u li qatt ma jista’ jintesa jkompli jwassalna għall-mistoqsijiet segwenti: Għaliex kien meħtieġ li ġurnalista tinqatel? X’dinamiċi kien hemm f’pajjiżna li wasslu għall-kummissjoni ta’ dak id-delitt gravissimu? X’nistgħu nagħmlu biex assassinju bħal dak ma jerġax jiġri fil-ġejjieni?
Kull wieħed minna għandu jagħmel dawk il-mistoqsijiet.
Biex jitħarsu l-ġurnalisti, jeħtieġ li jkun hemm regoli u istituzzjonijiet, imma, qabel kollox, irid ikun hemm mekkaniżmi kontinwi f’pajjiżna li jkunu kapaċi jidentifikaw kwalunkwe vjolazzjoni tal-libertà tal-espressjoni, inkella xi attakk fuq il-ġurnalisti, u li jkun hemm intervent f’waqtu.
Lejn jum ieħor importanti
It-2 ta’ Novembru ser ikun immarkat bħala l-Jum Internazzjonali biex tintemm l-impunità għall-krimini kontra l-ġurnalisti. Ser ikun jum biex niftakru li l-qtil ta’ ġurnalista ma joqtolx l-istorja. Hemm raġuni għalfejn ġurnalisti jiġu mhedda. Il-poter ma jridx li jinżamm kontabbli. Il-potenti jridu jaħbu l-ħażen tagħhom. Kulma jridu billi joqtlu nkella jattakkaw xi ġurnalist huwa li jwaqqfu l-istorja milli tiġi żvelata.
L-aktar mod effettiv biex wieħed jiġġieled maż-żewġ attakki fuq il-midja soċjali u t-theddida ta’ politika mmirata biex ma tħallix ġurnalisti jagħmlu xogħolhom, huwa li niġġielulhom flimkien. Inħobb inqabbilha ma’ ħidra b’ħafna rjus: jekk twaqqaf l-istorja llum, kun af li terġa’ titfaċċa għada.
Huwa kollox marbut mal-ġustizzja, is-sewwa u l-benessere tas-soċjetà, kif ukoll mal-korruzzjoni li qegħda tgħerri lilna lkoll. Kull ġurnalist għandu tassew jemmen li twieled fid-dinja għal skop, u li għandu jissielet għas-sewwa fil-professjoni li huwa daħal għaliha, anke jekk dan ifisser riskju għall-ħajja u libertà tiegħu. U jekk jiġi mhedded, allura jfisser li qed jagħmel xi ħaġa sewwa.
Araw ftit bin Daphne, Matthew, u ħutu s-subien; b’istint, intebħu mill-ewwel li ma setgħux iħallu l-istejjer u rapportar t’ommhom imutu magħha. Kienu wisq importanti. Li kieku jħalluhom jintesew, kien ifisser li ommhom tinqatel darbtejn.
Vjolenza u theddid
Li ssodd ħalq jew il-kitba ta’ ġurnalist permezz tal-vjolenza u theddid jikkostitwixxi theddida serja għal-libertà tal-espressjoni, u bħala tali, ikun l-akbar forma ta’ ċensura. Aktar inkwetanti huwa l-fatt li, dwar l-assassinju brutali ta’ Daphne, dan id-delitt makabru jibqa’, sal-lum, solvut biss parzjalment.
Ir-riżultat aħħari jkun ċirku vizzjuż t’impunità, magħdud m’effett probabbilment tal-waħx fuq is-soċjetà tagħna fi klima ta’ biża’ u awtoċensura.
In-nuqqas ta’ prosekuzzjoni kontra dawk kollha responsabbli jikkostitwixxi l-metodu l-aktar effettiv ta’ ċensura. L-impunità sservi biss għall-kummissjoni ta’ aktar delitti.
Jinħtieġ li ma nħallux għaddej qisu ma ġara xejn dan l-assassinju ta’ ġurnalista li għadu parzjalment mhux solvut, u n-nuqqas ta’ punizzjoni għall-kompliċi l-oħra li għadhom mhux identifikati u għadhom jiġru mas-saqajn liberament.
Meta nqatlet Daphne, pilastru tad-demokrazija tagħna ġġarraf. Il-ġurnaliżmu serju huwa l-pedament tad-demokrazija, u kwalunkwe attakk fuqu jdgħajjef dak il-pedament, bil-konsegwenza li l-pilastri jiterrew. L-attakki fuq il-ġurnalisti mhumiex limitati għal li stejjer li ma jinżlux tajjeb jiġu ttimbrati bħala “allegazzjonijiet foloz”.
L-istat huwa fid-dmir li ma jippermettix il-vjolenza fuq il-ġurnalisti u l-ħaddiema fil-midja, li jiżgura l-kontabbiltà permezz ta’ investigazzjonijiet imparzjali, espedittivi u effettivi dwar kull allegazzjoni ta’ vjolenza kontra l-ġurnalisti u l-ħaddiema fil-midja li jaqgħu fil-ġurisdizzjoni tiegħu, li jressaq fil-qrati kull min jikkommetti tali krimini u jiżgura li l-vittmi jkollhom aċċess xieraq għar-rimedji.
L-istat għandu wkoll jippromwovi ambjent sigur billi jakkomoda l-ġurnalisti f’xogħolhom permezz ta’ miżuri leġiżlattivi, iqajjem kuxjenza u għarfien, jagħmel l-investigazzjonijiet sura ta’ nies, jimmoniterja u jirrapporta l-attakki mwettqa fuqhom, u jikkundanna pubblikament dawk l-attakki.
X’inhu mistenni mill-Gvern?
Biss, ġaladarba llum nafu li kien l-istat responsabbli għall-assassinju ta’ Daphne, jiġina dubju jekk il-Gvern Laburista hux lest li jieħu dawk il-passi biex il-ġurnalisti jkunu jistgħu jissoktaw b’xogħolhom… xogħol vitali li jixħed dawl fuq l-operat intern tal-istat.
Kull min jipprova jrażżan jew jaħbi l-verità milli tasal fid-dominju pubbliku jmissu jiftakar li l-pinna u l-kitba jibqgħu ferm aktar b’saħħithom mix-xabla.
Huwa d-dmir tagħna li niżguraw li l-importanza u s-sinifikat ta’ dan l-assassinju krudili jibqgħu jitfakkru mill-ġenerazzjonijiet li telgħin.
Fiżikament, Daphne m’għadhiex magħna, imma l-memorja u l-legat tagħha ser jibqgħu mnaqqxa fil-quċċata tal-istorja politika kontemporanja ta’ Malta.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd12 ta’ Otttubru, 2025.
//= $special ?>