Mark A. Sammut Sassi
Kemm ħadt pjaċir nhar il-Ġimgħa li għadda nkun preżenti għat-tnedija tal-ktieb ’Il Quddiem b’Dinjità (Forward with Dignity)! Dan hu ktieb editjat minn Denise Ellul Sullivan u l-Professur George Cassar, bil-konsulenza politika ta’ George Vital Zammit, konsulenza editorjali ta’ Lawrence Grech, u kordinament ta’ Lino Attard, li sar b’inizjattiva tad-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo.
Kienet serata li tefgħet dawl jiddi fuq tliet punti importanti.
Il-foqra
L-ewwel nett, il-ħtieġa eżistenzjali li għandna f’dal-pajjiż li nieħdu ħsieb l-emarġinati, il-vulnerabbli, iż-żgħar. Dal-ktieb jgħinna nifhmu mhux biss lil min hu fil-ġnub tas-soċjetà – l-emarġinati u l-marġinalizzati – imma wkoll lil fin-naħa t’isfel tas-soċjetà – il-foqra.
Ivan Bartolo għamilha l-missjoni ta’ ħajtu li jgħin lil dawk li ma jistgħux jibqgħu f’wiċċ l-ilma. Kemm fid-distrett elettorali fejn joħroġ, kemm ma’ Malta kollha. Ivan Bartolo hu aktar minn politiku – imma dwar dan se nitkellem aktar ’l isfel.
F’dil-parti tal-artiklu rrid niffoka fuq il-problema tal-faqar taħt Gvern li suppost hu tal-ħaddiema. Il-Labour kellu tradizzjoni ta’ ftaħir li hu soċjalist. Is-soċjalist hu dak li ‘suppost’ jgħin lill-emarġinati, lill-vulnerabbli, lill-foqra. Tant kien jiftaħar biha dit-tradizzjoni, li kien fis-Socialist International. Sakemm, taħt dak in-neoliberali ta’ Joseph Muscat, fl-2015 il-Labour tneħħa mil-lista tal-membri tas-Socialist International. Daqshekk ħarqitu qalbu Joseph Muscat għall-ħaddiem, il-batut, iż-żgħir, u l-fqir!
Il-qassis tan-neoliberaliżmu Joseph Muscat, wieħed mill-abbatini li kellu miegħu kien Robert Abela, li minn abbatin ħa promozzjoni u sar hu l-qassis mal-altar ta’ dal-kult bla qalb. Bid-differenza imma, li Robert Abela lil-Labour reġġgħu lura fis-Socialist International (kif qalulna l-gazzetti f’Jannar ta’ dis-sena), wara 10 snin nieqes. Imma filwaqt li, fuq il-karta, il-Labour reġa’ lura ma’ ħutu s-soċjalisti, fil-verità baqa’ miexi b’politika li mhux talli ma naqsitx il-faqar, talli żiditu.
Skont l-Uffiċju tal-Istatistika, fl-2024 l-għadd ta’ dawk fir-riskju tal-faqar kiber b’0.2%, biex issa jlaħħqu mas-16.8% tal-popolazzjoni. Hawn 92,690 f’Malta f’riskju tal-faqar! Wieħed minn kull sitta!
U dan taħt Gvern li suppost hu tal-batuti, tal-vulnerabbli, tal-foqra! Li reġa’ daħal fis-Socialist International! Tal-mistħija!
Dal-ktieb, li ħareġ b’ħidmet Ivan Bartolo, juri l-ipokrisija krassa u l-inkompetenza bla qies ta’ dal-Gvern. Imnalla għandna nies bħal Ivan Bartolo, li jħaddnu l-prinċipji karitattevoli tad-Demokrazija Kristjana. In-Nisrani veru jemmen li għandu jagħmel karità mal-proxxmu filwaqt li jirrispetta d-dinjità tal-proxxmu. Verament ’il quddiem b’dinjità.
Beda jdur ir-riħ
Ħadt pjaċir inkun preżenti għat-tnedija wkoll għax stajt inħoss l-atmosfera ġdida. Kif qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg, kull stħarriġ tal-opinjoni pubblika qed jindika li l-qabża ta’ 40,000 vot bejn il-PL u l-PN issa saret ħaġa tal-passat. Fil-preżent, f’dan il-mument, il-polz tal-poplu qed iħabbat mod ieħor.
U waqt it-tnedija, dil-bidla fil-polz tal-poplu kienet tinħass. Kien hemm entużjażmu, sens ta’ skop, direzzjoni preċiża. Il-bidla f’kif qed jonfoħ ir-riħ kienet palpabbli.
Kien hemm bosta esponenti tal-PN għal dit-tnedija, uħud tal-imgħoddi (bħal Lawrence Gonzi u Richard Muscat), oħrajn tal-preżent. Ħadt pjaċir immens nara lil Adrian Delia, li hu bniedem li hu stess ma jafx kemm nammirah għat-tenaċja u l-lealtà tiegħu. Jekk jibqa’ bil-portafoll li għandu bħala Shadow Minister, Dr Delia għad ikun Ministru għall-Finanzi fost l-iprem.
Għandu intelliġenza straordinarja u kapaċità tal-azzar li jibqa’ għaddej fid-direzzjoni li jkun għażel… propju dak li l-pajjiż ikollu bżonn jekk irid jaqleb għal mudell ekonomiku differenti li ma jkunx imsejjes fuq it-tkabbir artifiċjali tal-popolazzjoni. B’Dr Delia fit-tmun tal-Finanzi, il-pajjiż jimxi b’moħħu mistrieħ.
Kien hemm deputati oħrajn li lkoll għollew il-livell tas-serata bis-sempliċi fatt li wrew li huma jħossu obbligu li jgħinu lill-fqir. Kien hemm is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista u l-Viċi Kap, u nies oħrajn involuti fl-Amministrazzjoni tal-partit jew huma kandidati għall-elezzjoni ġenerali. F’kelma waħda, kien hemm atmosfera ta’ għarfien li veru t-triq hi għat-telgħa, imma li l-probabbiltà tas-suċċess qed tikber ma’ kull jum li jgħaddi.
Ċerti gazzetti qed jgħidu li dan hu l-qamar il-għasel tal-Kap il-ġdid. Jien naħseb li dal-gazzetti qed jitkellmu minn imneħirhom. Jidhirli li hu ċar li Alex Borg ġab miegħu mhux biss iż-żgħożija tiegħu (li jien naraha bħala vantaġġ kbir u mhux żvantaġġ) imma wkoll ġab miegħu l-kariżma u, fuq kollox, il-viżjoni tiegħu għal Malta aħjar. Jien konvint li Alex Borg għandu kollox ‘in regola’ biex ikun il-Prim Ministru li jmiss ta’ Malta.
(U nissuspetta li bħali jaraha wkoll Robert Abela – u għalhekk il-paniku. Imma dwar dan, nikteb f’xi artiklu ieħor fil-futur.)
Ivan Bartolo
Għat-tnedija kien hemm patri Dumnikan li jien għandi ħafna simpatija miegħu. Mhux biss għax bħali, Żebbuġi, imma wkoll (u fuq kollox) għax hu partikolarment intelliġenti u partikolarment dirett u sinċier. Nies hekk iħolluni.
U lil dal-patri ħabib tiegħi għedtlu, “Ivan Bartolo mhux biss politiku. Għandu wkoll elementi ta’ qdusija.” Il-patri tbissimli u qalli li dik hi t-triq tan-Nisrani.
Fis-sew, Ivan Bartolo hu Nisrani kif in-Nisrani għandu jkun. Ivan donnu nagħġa mibgħuta qalb l-ilpup. Miżgħud bis-safa tal-ħamiem (għalhekk jgħin lill-foqra) imma mogħni bil-għaqal tas-sriep (għalhekk hu fil-politika).
Ftit huma dawk fil-politika li jien lest nikteb dwarhom li għandhom elementi ta’ qdusija. Ivan hu wieħed minnhom. Kif jaf kulħadd, Ivan Bartolo ta kilwa lil xi ħadd ma jafux. Iċ-ċiniċi jixluh li għamel dan biex jingħoġob mill-elettorat. Iċ-ċiniċi ż-b-a-l-j-a-t-i. L-ewwel nett, għax li tneħħi kilwa hi ta’ riskju kbir. It-tieni, għax ma għamilx hekk u mbagħad waqaf hemm. Minflok, għaddej bla heda jgħin lill-foqra. Il-‘foodbank’ maħluq minn Ivan Bartolo ħareġ aktar minn 7,300 xirja. Aktar minn sebat elef u tliet mitt xirja!
Deputat tal-Oppożizzjoni. Mid-dar tiegħu! Aħseb u ara meta, jekk Alla jrid, wara l-elezzjoni li jmiss, ikun Ministru!
Aħfruli se nkun skjett – imma jien inħossni onorat li naf lil xi ħadd bħal Ivan Bartolo. Dal-politiku għandu l-potenzjal kollu meħtieġ biex jikteb l-istorja ta’ Malta fejn tidħol il-gwerra kontra l-faqar. Il-Mulej iżomm idejH fuqu.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 16 ta’ Ottubru, 2025.
//= $special ?>