“Irridu l-ġustizzja għax Daphne kellha raġun”.
Kien dan il-kliem li saħqu mijiet ta’ persuni, li l-Ħamis filgħaxija pparteċipaw f”marċ li beda fis-7 ta’ filgħaxija mid-daħla tal-Belt, sabiex ifakkru t-tmien snin anniversarju mill-assassinju tal-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galzia.
Numru ta’ attivisti, ġurnalisti, familjari u persuni li b’xi mod jew ieħor Daphne ħalliet impatt fuq ħajjithom ingħaqdu lkoll flimkien u mxew sal-mafkar ta’ Daphne Caruana Galizia quddiem il-qorti, iżommu f’idejhom ritratti tagħha u banner bil-kliem “Verita. Memorja. Liberta – għal demokrazija li tixraq niġġieldu għaliha.”
Intant quddiem il-Qorti mbagħad saret velja li ġiet indirizzata minn numru ta’ kelliema li lkoll fakkru l-legat tagħha.
Andrew Drago, membru eżekuttiv ta’ Front Żgħażagħ għall-Ambjent, tenna li l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia huwa dulur nazzjonali u timbru iswed fuq l-istorja pajjiżna. Huwa li appella għall-kontabbilta, u saħaq, “Ma nistgħux inħallu lil Daphne tinqatel għat-tieni darba. Ma nistgħux inħallu l-impunità ssir liġi.”
Intant, Clemence Dujardin, li hija attivista tal-Occupy Justice, tkellmet dwar l-impatt li ħalla dak kollu li kitbet Daphne fuq is-soċjeta Malta u lil hinn. Hija sostniet “Tista’ toqtol mara, imma ma tistax toqtol dak li tirrappreżenta.” Clemence Kompliet tisħaq li “Il-futur ta’ dan il-pajjiż se jkun iffurmat jew mill-biża’ li qatlet lil Daphne, jew mill-kuraġġ li kellha. L-għażla hija tagħna.”
Min-naħa tiegħu, Il-Ġurnalist Taljan, Giuseppe Giulietti tenna li l-ġurnalist għandu kemm id-dritt kif ukoll id-dmir li jippubblika kwalunkwe aħbar ta’ interess pubbliku u rilevanza soċjali. Giulietti stqarr, “Daphne ġiet assassinata talli ddefendiet id-dawl tal-verità kontra d-dlam tal-gideb.”
Barra minn hekk, il-President tar-Ramblers’ Association, Ingram Bondin, ikkritika l-immaniġġjar tal-gvern dwar kwistjonijiet ambjentali u ta’ governanza.Huwa wissa li “qed niffaċċjaw l-istess attakk fuq l-Istat mill-oligarki Maltin u l-politiċi pupazzi tagħhom.”Bondin akkuża lill-awtoritajiet li injoraw il-frustrazzjoni pubblika, u żied jgħid li “Robert Abela ħaseb li jista ‘jinjora l-ewwel protesta tagħna. Issa se nkunu fejn ma jistax jinjorana.”
Matul din l-istess Velja tkellmet ukoll il-President tar-Repubblika, Vicki Ann Cremona, dwar il-ġlieda kontinwa għall-ġustizzja u l-verita fejn temmet tgħid, “ftakru li bis-sapport kollu tagħkom xi darba ssir il-ġustizzja.”
Għamel id-diskors tiegħu ukoll l-eks-Rapporteur għall-Assemblea Parlamentarti tal-Kunsill tal-Ewropa Peter Omtzigt.
Għall-marċ u għall-velja attendew il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg u l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Perici Calascione.
Dan l-avveniment kien organizzat mill-organizzazzjonijiet Repubblika u Occupy Justice.
//= $special ?>