Lokali Qorti

Xogħol fil-komunità għal żagħżugħ li kellu relazzjoni sesswali ma’ tifla ta’ 14-il sena

Żagħżugħ Sirjan ta’ 17-il sena evita li jintbagħat il-ħabs wara li ammetta li kellu relazzjoni sesswali ma’ tifla ta’ 14-il sena, li minnha għandu wild. Iż-żagħżugħ deher quddiem il-Qorti tal-Minorenni, fejn kien akkużat li pparteċipa f’attivitajiet sesswali ma’ minuri ta’ taħt is-16-il sena, li korrompa minuri, u li kkaġuna biża’ ta’ vjolenza fit-tfajla.

L-inċidenti seħħew f’Birkirkara u f’lokalitajiet oħra f’Ġunju tal-2023, fi żmien meta s-Sirjan ukoll kien għadu minuri. Hu wieġeb ħati mill-ewwel, bil-Qorti tosserva l-koperazzjoni tiegħu u l-fatt li ma kellux rekord kriminali.

Il-Qorti innutat li bejn iż-żewġ minuri kien hemm relazzjoni intima, u għalhekk l-akkużi jaqgħu taħt id-definizzjoni legali ta’ vjolenza domestika, peress li kien hemm rabta romantika bejniethom. Waqt l-għoti tas-sentenza, il-Maġistrat Abigail Critien qalet li piena ta’ ħabs ma kinitx tkun ġusta f’dan il-każ, u minflok ordnat li ż-żagħżugħ jagħmel 80 siegħa xogħol fil-komunità.

Il-Maġistrat spjegat li din l-ordni se tgħinu “jrodd lura lis-soċjetà u jitgħallem mill-iżbalji tiegħu.” Il-Qorti imponiet ukoll ordni ta’ protezzjoni ta’ sena favur it-tfajla u l-familja tagħha, u wissiet li kwalunkwe ksur ta’ din l-ordni jista’ jwassal għal kastig iktar gravi.

It-talba tal-prosekuzzjoni biex tinħareġ ordni ta’ trattament ġiet miċħuda, wara li l-Qorti sabet li ma kien hemm l-ebda evidenza li ż-żagħżugħ kien ibati minn dipendenza jew kundizzjoni ta’ mġiba. Iż-żagħżugħ se jkun superviżjonat minn uffiċjal tal-probation, li għandu jissottometti rapporti ta’ progress kull tliet xhur lill-Qorti.