Il-Qorti tal-Maġistrati, preseduta mill-Maġistrat Antoine Agius Bonnici, ikkundannat raġel ta’ nazzjonalità Kolombjana għal għaxar xhur ħabs effettiv u multa ta’ €1,000 wara li ammetta li kellu fil-pussess tiegħu diversi tipi ta’ droga li ma kinux għall-użu personali.
Il-każ imur lura għas-6 ta’ April 2025, meta Jhon Jairo Ramirez Saenz, instab mill-Pulizija f’appartament fl-Imsida waqt tfittxija relatata ma’ każ ieħor ta’ traffikar ta’ droga. Waqt il-mandat ta’ tfittxija, il-Pulizija sabu fil-pussess tiegħu ammonti żgħar ta’ kokaina, kannabis, MDMA u ketamina, kif ukoll miżien diġitali u flus kontanti.
Ir-rapport espert tal-Ispiżjar Gilbert Mercieca kkonferma li s-sustanzi kienu jikkonsistu f’12.8 gramma kannabis, 3.9 gramma kokaina u 1.7 gramma MDMA, filwaqt li porzjon żgħir ieħor ma ġiex ikkonfermat li kien droga illegali.
Ramirez Saenz, li ma kellux awtorizzazzjoni jew liċenzja biex iżomm dawn is-sustanzi, ammetta l-akkużi kollha f’Settembru 2025 wara li ġie mwissi mill-Qorti dwar il-konsegwenzi legali tal-ammissjoni tiegħu.
Il-Qorti, wara li rat il-provi kollha u l-ammissjoni tal-imputat, sabitu ħati fuq l-erba’ akkużi relatati mal-pussess ta’ kokaina, kannabis, MDMA u ketamina mhux għall-użu personali. Minbarra l-piena ta’ ħabs u multa, il-Qorti ordnat il-konfiska tal-flus kontanti, il-‘mobile phone’, l-arloġġ u l-kartiera li nstabu fil-pussess tal-imputat, kif ukoll id-distruzzjoni tad-droga meta s-sentenza ssir definittiva.
Il-Qorti imponiet ukoll li Ramirez Saenz iħallas spejjeż tal-esperti li jammontaw għal aktar minn €1,000. Il-Maġistrat Agius Bonnici nnota li l-imputat ma kellux rekord kriminali f’Malta, iżda ma kienx jgħix fil-pajjiż għal żmien twil.
//= $special ?>