Bħal kull sena, il-Kunsill Lokali tal-Floriana qiegħed jorganizza l-attivà annwali bl-isem ta’ ‘Ġenna ta’ Ġonna’. Waqt din l-attività, numru ta’ għaqdiet li jagħtu sehem dirett b’mod kontinwu fil-lokal, jieħdu sehem billi jorganizzaw xi attività biex iżewqu din il-ġurnata
bl-aħjar mod.
Il-Kappella San Publju Martri, bħal snin preċedenti, se tkun qiegħda tieħu sehem. Propju sena ilu, din il-Kappella ċċelebrat l-għoxrin sena mill-ftuħ tagħha. Għoxrin sena ta’ formazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ, servizz kontinwu lejn il-lokalità tagħna, u ma naqasx it-tixrid tal-kult lejn San Publju permezz tal-arti fost l-oħrajn. Din is-sena se nkunu qegħdin inkomplu nibnu fuq dak li nbena tul l-għoxrin sena li għaddew. Hija ħaġa naturali li wieħed irid jemenda, ibiddel u jġedded biex il-prodott dejjem jitjieb. Huwa dan li bħala kuraturi ta’ din l-istess kappella ta’ sikwit nagħmlu. Ix-xogħol siewi u l-ħin volontarju kollu jmur biex inżommu din il-kappella fl-aqwa stat tagħha għal kull okkażjoni. Huwa ta’ sodisfazzjon għalina li nisimgħu l-kummenti sbieħ u ta’ apprezzament ta’ dawk kollha li jżuru din il-kappella. Huma kummenti bħal dawn li jħeġġuna biex inkomplu naħdmu biex inkomplu nsebbħu din il-kappella.
Għaldaqstant, nhar il-Ħadd, 19 ta’ Ottubru 2025 il-Kappella se tkun miftuħa mill-10:00 sal-17:00. Wieħed se jkun jista’ jitpaxxa jara wirja b’diversi oġġetti relatati ma’ San Publju fosthom pitturi, skulturi, kotnba u ħafna aktar. Din l-esebizzjoni se titellgħa biex jitfakkar id-19-il ċentinarju mill-martirju ta’ San Publju fis-sena 125 W.K. taħt l-Imperatur Adrijanu f’Ateni.

Il-qofol ta’ din l-attività jintlaħaq propju permezz ta’ dimostrazzjoni bil-vara tal-Kappella li hija replika perfetta tal-vara titulari ta’ San Publju skolpita fl-injam mill-iskultur Vincenzo Dimech fl-1811.
Mal-ftuħ tal-Kappella, il-vara tintlaqa’ bid-daqq tal-Innu mill-Banda tas-Soċjetà Filarmonika Vilhena, fejn minn hemm tibda’ d-dimostrazzjoni. Din se tgħaddi mit-toroq; San Tumas, San Franġisk, Miratur, San Publju, San Tumas, naqsmu l-Mall, Argotti, Oliver Friggieri, Konservatorju, Il-Mall, Vincenzo Dimech, naqsmu ġnien il-Mall, Pjazza San Publju, Miratur, l-Isqof Mauro Caruana lura għall-Kappella.
Mad-dħul u l-ħruġ tal-manifestazzjoni se tkun qiegħda tinħaraq kaxxa nar mill-Għaqda tan-Nar u Kultura San Publju.ħal din id-dimostrazzjoni kulħadd huwa mħeġġeġ li jattendi u jieħu sehem.
Fl-aħħar nett, il-kuraturi tal-Kappella San Publju Martri jixtiequ juru l-apprezzament tagħhom lil diversi entitajiet u għaqdiet li dejjem sibna l-appoġġ meħtieġ mingħandhom. Nirringrazzjaw ukoll lil dawk l-individwi li tul is-snin kienu parti minn dak li hi l-Kappella llum. Inħeġġu wkoll lil dawk kollha li jixtiequ jkunu parti minn dak li għandu x’joffri dan il-mużew mimli storja fil-qalba tal-Floriana. B’hekk inkunu qed nippreservaw u nsaħħu
dak li ħallewlna missirijietna.