Lokali Sport

Ħamrun Ħanin b’għotja ta’ €15,000 għax-xiri ta’ kelb gwida għal persuna nieqsa mid-dawl

L-organizzazzjoni volontarja Ħamrun Ħanin, l-id soċjali ta’ Ħamrun Spartans FC, ippreżentat donazzjoni ta’ €15,000 lill-Malta Guide Dog Foundation (MGDF) biex jinxtara kelb gwida għal persuna nieqsa mid-dawl. L-għażla tal-benefiċjarju u l-kelb għaddej fil-preżent, bil-kollaborazzjoni tal-MGDF u l-organizzazzjonijiet rilevanti oħra ta’ appoġġ.

Din l-għotja setgħet isir wara l-kampanja ta’ ġbir ta’ fondi ewlenija ta’ Ħamrun Ħanin matul l-istaġun tal-futbol li għadda. Il-kampanja laħqet il-qofol tagħha fis-semifinali tal-FA Trophy bejn Ħamrun Spartans u Hibernians FC, fejn l-iSpartans libsu flokk speċjali ddisinjat għal din l-okkażjoni.

Wara l-logħba, dawn il-flokkijiet ġew irkantati, filwaqt li edizzjoni limitata tal-flokk uffiċjali ffirmat mill-plejers kollha nxtara minn sponsors ewlenin.  Barra minn hekk, inġabru aktar fondi b’attivitajiet soċjali u l-bejgħ ta’ flokkijiet u memorabilja oħra lis-supporters, fejn kien hemm il-parteċipazzjoni mhux biss ta’ partitarji Ħamruniża iżda anke bosta minn klabbs oħrajn, f’turija sabiħa ta’ solidarjetà.

Barra l-element ta’ ġbir ta’ fondi, kull parti tal-Klabb, minn membri tal-Kumitat, staff tekniku, plejers, voluntiera u partitarji kellhom rwol fil-kampanja, li mhux biss serviet ta’ teambuilding iżda għenet ukoll twassal messaġġ qawwi ta’ għarfien dwar il-bżonnijiet ta’ persuni neqsin mid-dawl fil-komunitajiet ta’ madwarna.

Ian Debattista, Chairman ta’ Ħamrun Ħanin, qal: “Permezz ta’ din il-kampanja, fittixna li nittraduċu l-passjoni tal-partitarji tagħna f’xi ħaġa li tagħmel id-differenza. Ninsabu ferm kuntenti li b’din il-kontribuzzjoni se nħallu impatt dirett fil-ħajja ta’ persuna, biex din tikseb aktar indipendenza u mobbilita”.