Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, preseduta mill-Imħallef Audrey Demicoli, ċaħdet it-talba tas-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Edukazzjoni u tad-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment għall-Servizzi Edukattivi biex jiġi maħruġ mandat ta’ inibizzjoni kontra l-Union of Professional Educators (UPE). It-talba kienet tfittex li twaqqaf żewġ direttivi tal-unjin li jaffettwaw il-ħidma tal-Learning Support Educators (LSEs).
Ir-rikors kien intavolat fit-3 ta’ Ottubru 2025, bil-Gvern jargumenta li dawn id-direttivi qed iħallu effett negattiv fuq l-istudenti vulnerabbli. Skont il-Ministeru, bħala riżultat tad-direttivi, xi studenti kienu qed jintbagħtu lura d-dar għax ma kienx hemm LSEs disponibbli, filwaqt li oħrajn ma kellhomx xogħol anke jekk kienu preżenti.
Id-direttivi inkwistjoni kienu jiddettaw li l-LSEs tal-UPE f’Year 11 (Form 5) kellhom jibqgħu fl-iskola li ġew assenjati għaliha u ma jagħmlux sostituzzjonijiet barra minn hemm, u li ma kellhomx jissostitwixxu LSEs assenti għal raġunijiet ta’ mard jew leave speċjali, ħlief għal każijiet partikolari.
Il-Qorti innutat li dawn id-direttivi kienu diġà fis-seħħ meta tressqet it-talba, u għalhekk ma setgħetx toħroġ mandat li jżomm milli jsir att li diġà seħħ. L-Imħallef Demicoli enfasizzat li mandat ta’ inibizzjoni jista’ jingħata biss f’każijiet ta’ obbligazzjoni di non fare, jiġifieri biex iwaqqaf azzjoni futura, mhux biex jordna xi ħadd jagħmel xi ħaġa jew iwaqqaf att diġà mwettaq.
Il-Qorti rrimarkat ukoll li l-argument tal-Gvern kien diġà tqajjem f’każ ieħor simili – Ritienne Borg Saliba noe vs UPE – fejn ġie deċiż li l-Qorti ma tistax tordna lill-unjin tirtira jew tissospendi direttivi, għax dik tkun ordni ta’ “fare” mhux “non fare”.
Barra minn hekk, il-Qorti rrikonoxxiet li filwaqt li l-Gvern għandu dritt prima facie li jassigura edukazzjoni lil kull student, l-LSEs għandhom ukoll dritt għal-libertà ta’ assoċjazzjoni u kundizzjonijiet xierqa ta’ xogħol. L-Imħallef osservat li d-direttivi tal-UPE kellhom limiti raġonevoli, u li ma kienx jidher li kienu maħsuba biex jippreġudikaw l-edukazzjoni tat-tfal.
Il-Qorti żiedet tgħid li l-kunflitt jidher li oriġina minħabba nuqqas ta’ djalogu soċjali bejn id-Dipartiment tal-Edukazzjoni u l-UPE, hekk kif il-Gvern ma riedx jidħol f’taħditiet mal-unjin minħabba l-preżenza ta’ unjin oħra maġġoritarja fis-settur. L-Imħallef qalet li din hija kwistjoni li trid tiġi indirizzata f’fora oħra, mhux permezz ta’ mandat ta’ inibizzjoni.
Fl-aħħar nett, il-Qorti kkonkludiet li d-direttivi tal-UPE ma kinux sproporzjonati u li t-talba tal-Gvern kienet immotivata fuq bażi mhux sostenibbli fil-liġi. Għaldaqstant: Irrrevokat id-digriet provviżorju li kien ħareġ fit-3 ta’ Ottubru 2025, u ċaħdet it-talba għall-ħruġ tal-mandat ta’ inibizzjoni.
L-ispejjeż tal-proċedura ġew ordnati a karigu tar-rikorrenti, jiġifieri l-Ministeru għall-Edukazzjoni u d-Dipartiment għal Servizzi Edukattivi.
Id-digriet ġie mogħti kmieni filgħodu tal-Ġimgħa, 17 ta’ Ottubru 2025.
L-Avukati Jason Azzopardi, Kris Busietta u Alessandro Farrugia dehru f’isem il-UPE.
//= $special ?>