Lokali

Jiftaħ il-Kunsill Ġenerali amministattiv tal-Partit Nazzjonalista fid-Dar Ċentrali

Dan hu l-mument ta’ partit. Mument li jista’ jsir mument ta’ pajjiż.

Hekk kif illum fetaħ il-Kunsill Ġenerali amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista, fid-diskors tal-għeluq tal-ewwel sessjoni, il-Viċi Kap tal-PN Alex Perici Calascione fakkar kif is-slogan Dan hu l-Mument li beda bħala messaġġ ta’ kampanja interna, illum sar il-messaġġ tal-Partit kollu u qed isir ukoll il-messaġġ tal-poplu Malti u Għawdxi.

Il-Viċi Kap tal-PN għamel referenza għal tliet mumenti li jġorru magħhom tifsira profonda għall-identità u l-missjoni tal-PN: l-attakki tal-15 ta’ Ottubru 1979 kontra istituzzjonijiet demokratiċi u l-familja Fenech Adami, il-qtil vjolenti ta’ Daphne Caruana Galizia li jfakkarna fil-bżonn ta’ governanza tajba u rispett għas-saltna tad-dritt, u l-ħatra ta’ Kap ġdid, Alex Borg. Ħatra li qed iġġib magħha tama ġdida għal pajjiżna.

Alex Perici Calascione qal li dan hu mument fejn il-Partit Nazzjonalista qed joffri tmexxija ta’ rikonċiljazzjoni, serjetà u prinċipju. Hu qal li l-Partit Nazzjonalista jrid iġedded it-tama fil-poplu.

Hu saħaq li l-Maltin u l-Għawdxin iridu s-serħan il-moħħ, ir-rispett u d-dinjità f’kull stadju tal-ħajja tagħhom, f’pajjiż li jerġa’ jqiegħed il-ġustizzja, l-ambjent u l-familja fil-qalba tiegħu.

F’dan il-kuntest, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista sejjaħ għal għaqda u kuraġġ biex dan il-mument tal-partit isir mument tal-pajjiż kollu – mument li jġib lura l-fiduċja u l-ġieħ li Malta u Għawdex jistħoqqilhom.

Il-President tal-Kunsill Ġenerali Mark Anthony Sammut fetaħ dan il-Kunsill Ġenerali, segwit mis-Segretarju Eżekuttiv Organizzattiv li qara l-minuti tal-aħħar Kunsill bit-tema “Malta Żagħżugħa”.

L-ewwel sessjoni tal-Kunsill Ġenerali kienet indirizzata minn numru ta’ membri tal-Kunsill li kienu jinkludu wkoll għadd ta’ Deputati. Il-Ġimgħa filgħaxija għamlu interventi Ivan Castillo, Stanley Zammit, Ivan Bartolo, Graziella Galea, Jerome Caruana Cilia, George Vital Zammit, Michael Piccinino, Ċensu Galea, Ylenia Montfort, Thomas De Martino, Dione Borg u Lara Marie Agius.

F’din is-sessjoni s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Charles Bonello ressaq quddiem il-Kunsill Ġenerali l-Mozzjoni bir-Rapport Amministrattiv dwar il-ħidma tal-Partit Nazzjonalista f’din l-aħħar sena, li jrid jiġi approvat minn dan il-Kunsill.

Fl-ewwel jum tal-Kunsill Ġenerali kienet għaddejja wkoll il-votazzjoni biex jiġu eletti 18-il rappreżentant tal-Kunsill Ġenerali fl-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista. B’kollox ikkontestaw din l-elezzjoni 34 kandidat.

Il-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista jkompli nhar il-Ħadd filgħodu fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista meta jiġi fi tmiemu bl-indirizz tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg.

It-tieni u l-aħħar sessjoni tal-Ħadd tibda fid-9:30am u se tixxandar live fuq NET Television, NET FM u Facebook.