Lokali Parlament

Jiżdiedu r-reati f’Għawdex relatati ma’ traffikar ta’ droga

Mill-2011 sa din is-sena żdiedu b’mod allarmanti r-reati f’Għawdex relatati ma’ traffikar ta’ droga. Jirriżulta li fis-sena 2011 kien hemm erba’ każi f’Għawdex u f’Kemmuna relatati ma’ traffikar ta’ droga waqt li din is-sena kien hemm 11-il każ.

Dan irriżulta minn tweġiba li ta fil-Parlament Byron Camilleri, Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol; għal mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Chris Said li staqsa lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol jgħid x’inhu n-numru ta’ reati li seħħew f’Għawdex u f’Kemmuna relatati ma’ traffikar ta’ droga, mill-2011 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba l-mistoqsija parlamentari.

L-akbar ammont ta’ reati saru fl-2013 u kienu jammontaw għal 17. Fl-2015 kien hemm ukoll numru sostanzjali ta’ reati relatati ma’ traffikar ta’ droga li laħħqu 11, bħas-sena 2012.

Kien hemm 103 reat li seħħew f’Għawdex u f’Kemmuna relatati ma’ traffikar ta’ droga bejn l-2011 u din is-sena.