Il-Qorti tal-Maġistrati, preseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello, ikkonfermat id-detenzjoni ta’ ċittadin Niġerjan li kien instab jaħdem mingħajr permess validu f’sit ta’ kostruzzjoni fil-Mosta f’Settembru 2025.
Fix-xhieda tiegħu, l-Ispettur tal-Immigrazzjoni Hubert Gerada spjega li r-raġel kien daħal legalment f’Malta f’Mejju 2025, iżda l-permess tax-xogħol tiegħu ġie rrevokat minn min kien iħaddmu xahar biss wara, f’Ġunju tal-istess sena. Għaldaqstant, meta nstab jaħdem mill-Pulizija flimkien ma’ JobsPlus u l-OHSA, kien qed jaħdem irregolarment u mingħajr awtorizzazzjoni.
Wara l-intervent tal-awtoritajiet, il-Pulizija ħarġet ordni ta’ Ritorn u ta’ Tkeċċija fil-konfront tiegħu. L-Ispettur spjega li fil-bidu r-raġel kien aċċetta li jitlaq b’mod volontarju u anke kien inxtralu biljett tal-ajru l-Gvern Malti, iżda ftit jiem wara biddel fehmtu u talab biex jappella d-deċiżjoni tal-Pulizija.
L-appell tiegħu tressaq quddiem il-Bord tal-Appell dwar l-Immigrazzjoni, presedut minn Luke Grech, u l-Koordinatur tal-Bord ippreżenta l-file tar-rikorrent fil-Qorti. Ix-xhud Gerada indika wkoll li ftit sigħat qabel il-laqgħa tal-Bord, ir-raġel kien għamel talba għall-ħelsien mill-arrest (bail) li ġiet miċħuda.
Il-Qorti, fid-deċiżjoni tagħha, qalet li l-ilment tar-rikorrent ma kellux bażi u għalhekk ġie miċħud. Hija osservat li l-kompetenza tal-Qorti taħt l-artiklu invokat mir-rikorrent ma tippermettix li tiġi annullata ordni ta’ tkeċċija jew ritorn maħruġa kontra tiegħu, speċjalment meta din qiegħda tiġi evalwata quddiem il-Bord tal-Appell dwar l-Immigrazzjoni, li hu l-korp kompetenti skont il-liġi.
Fil-konklużjonijiet tagħha, il-Qorti nnotat li l-fatt li r-raġel ma kellux biżżejjed flus biex jiffinanzja t-tluq tiegħu minn Malta kien jikkostitwixxi raġuni validu biex titqies biża’ ta’ ħarba. Barra minn hekk, il-Qorti rrimarkat li ftehim tal-kera għal sena ma jistax jitqies biżżejjed biex juri li l-persuna għandha indirizz permanenti jew stabbiltà f’Malta.
Il-Qorti wkoll irrimarkat li fid-digriet tal-bail maħruġ mill-Bord tal-Appell, dan ta sebat ijiem lill-partijiet biex jippreżentaw l-aħħar sottomissjonijiet qabel jiddeċiedi l-każ tal-appell. Għaldaqstant, billi l-proċeduri amministrattivi għadhom għaddejjin, il-Qorti ma laqgħetx it-talba għar-rilaxx u ikkonfermat li d-detenzjoni tiegħu hija waħda legali u ġustifikata.
Għan-Niġerjan deher l-avukat Gianluca Cappitta, waqt li għall-Immigration Appeals Board deher l-avukat Miguel Degabriele, u l-Ispettur Hubert Gerada deher f’isem l-Uffiċjal Prinċipali tal-Immigrazzjoni.
//= $special ?>