Lokali Qorti

Koppja mixlija b’serqa minn dar fir-Rabat u r-raġel b’attentat ta’ ‘hold-up’ f’San Ġwann

Raġel ta’ 36 sena minn San Ġwann u s-sieħba tiegħu ta’ 46 sena mir-Rabat tressqu l-Qorti akkużati quddiem il-Maġistrat Lara Lanfranco b’serq ta’ tablet minn dar fil-lokalità ta’ Rabat. Ir-raġel ġie mixli wkoll b’attentat ta’ ‘hold-up’ minn ħanut f’San Ġwann, u li dan ma seħħx peress li fil-ħin daħlet mara b’tarbija u l-akkużat telaq il-barra.

Huma baqgħu jinżammu taħt arrest minħabba li ma saret l-ebda talba mid-difiża biex jingħataw il-pleġġ f’dan l-istadju. Il-każ prinċipali seħħ meta Clifford Grech, li bħas-sieħba tiegħu Karen Grech huwa bla xogħol, allegatament daħal fil-ħanut li jinsab viċin fejn huwa jgħix mal-ġenituri tiegħu, u waqt li kien armat b’sikkina beda jipprova jisgassa l-‘cash register’. Huwa waqaf u telaq il-barra meta daħlert il-mara bit-tarbija biex tixtri mill-ħanut.

Il-prosekuzzjoni qalet li għandha ukoll filmati mill-CCTV li juru parti mill-inċident. Ingħad ukoll li l-akkużati fuq żewġ każi oħra ta’ serq bil-proċess għadu għaddej fil-Qorti. L-akkuża tgħid li l-valur tat-tablet jeċċedi il-233 ewro. Il-każ tal-attentat ta’ ħold-up seħħ nhar it-Tnejn li għadda bejn l-4pm. u s-6pm.

Huwa ġie mixli li l-attentat ta’ serq seħħ bi vjolenza u li kien iktar minn 233 ewro iżda inqas minn 2,333 ewro. Clifford Grech ġie mixli wkoll li kellu fil-pusses tiegħu arma u bil-ponta mingħajr liċenzja maħruġa mill-Kummissarju tal-Pulizija.

Huwa ġie mixli wkoll li naqas milli jħares waħda mill-kundizzjonijiet mposti lilu fuq każijiet ieħor minn Qorti diversament preseduta, u dan minn żewġ Maġistrati u Imħallef u li sar reċidiv. Is-sieħba tiegħu ġiel mixlija li naqset milli tonora l-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest mogħti minn Maġistrat fuq każ ieħor.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Stephen Gulia, Christian Xuereb, Cheyenne Mangion filwaqt li l-Avukat Giuliana Magro Conti, mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Għal Clifford Grech qed jidhru l-Avukati Josè Herrera u Naomi Spiteri. Id-difiża ta’ Karen Grech kienet immexxija mill-Avukati Alex Scerri Herrera u Matthew Xuereb.

Clifford Grech u s-sieħba tiegħu wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjubin kontrihom, filwaqt li l-proċeduri issa jkomplu billi jinstemgħu xhieda oħra u jiġu annaliżżati l-provi fuq diversi binarji b’rabta mal-każ, inkluż il-filmati tas-sigurtà.