Jason Borg, ta’ 47 sena minn Birkirkata ġie meħlus mill-akkużi ta’ pussess aggravat ta’ droga eroina wara li l-ġurati, b’verdett ta’ tmienja favur u wieħed kontra, iddeċidew favur l-innocenza tiegħu. Il-verdett ingħata għall-ħabta ta’ nofsillejl fil-Qorti preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri, u b’hekk intemm proċess li ilu għaddej diversi snin marbut ma’ rejd tal-Pulizija li saret f’Settembru tal-2017.
Il-każ kien ibbażat fuq sejba ta’ 1.2 kilogrammi eroina li nstabu waqt tfittxija mill-Pulizija f’remissa fil-Marsa. Il-prosekuzzjoni sostniet li Borg kien fil-pussess tad-droga f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għall-użu personali tiegħu. Madankollu, matul il-ġuri, il-linja tad-difiża kienet li l-akkużat ma kellu x’jaqsam xejn mal-pakkett li kien fih id-droga u li ġie sfruttat minn persuna oħra.
Il-każ imur lura għad-19 ta’ Settembru 2017, meta Ason Borg ġie arrestat waqt rejd li s-sezzjoni tad-droga tal-Pulizija wettqet ħdejn l-istalel tal-Marsa. Matul l-operazzjoni, l-uffiċjali sabu diversi oġġetti relatati mad-droga u bdew tfittxijiet ulterjuri f’żewġ proprjetajiet fil-viċinanza — waħda li kienet tappartjeni lil Borg u oħra lil Nicholas Farrugia.
Waqt it-tfittxija, Borg innifsu ta lill-Pulizija diversi oġġetti, fosthom brazzuletti tad-deheb u mobiles, u spjega li dawn kienu ngħatawlu minn Shana Farrugia biex iżommhom għal sigurtà. Shana Farrugia kienet f’relazzjoni ma’ Nicholas Farrugia u wkoll ġiet arrestata mill-Pulizija.
Aktar tard, Borg ta wkoll borża lill-uffiċjali li fiha kien hemm sustanza kannella, li aktar tard irriżulta li kienet tinkludi 1.2 kilogrammi eroina b’purità li kienet tvarja bejn 0.2% u 0.5%, u b’valur fis-suq bejn €72,000 u €93,600. Fil-verżjoni tiegħu lill-Pulizija, Borg sostna li Nicholas Farrugia kien tah il-borża lejliet ir-rejd, u li hu ma kienx jaf li kien fiha droga.
Dan l-episodju kien il-punt ċentrali tal-provi fil-ġuri, li eventwalment wassal biex il-ġurati, wara li semgħu x-xhieda kollha u l-argumenti tal-partijiet, ħelsu lil Borg minn kull akkuża ta’ pussess aggravat jew traffikar ta’ droga eroina.
L-avukat difensur Mario Mifsud iddeskriva lil Borg bħala “bniedem dgħajjef u vittma” u stieden lill-ġurati jikkunsidraw jekk kienx hemm prova konkreta li wriet li l-akkużat kien jaf b’dak li kien fi ħdan l-ixkora. Huwa sostna li l-persuna msemmija Nicholas Farrugia, deskritt mill-ispettur bħala “kriminal u traffikant tad-droga”, kienet talbet lil Borg biex iżomm l-ixkora għalih, u li dan waħdu ma kienx biżżejjed biex juri li Borg kien jaf li kienet tinkludi droga.
L-Avukat Mifsud tenna l-prinċipju funddamentali li jekk il-ġurati kellhom anke dubju żgħir, dan kellu jmur favur l-akkużat. Huwa nnota wkoll li matul il-proċeduri kollha, isem Nicholas Farrugia ġie ripetut bosta drabi, iżda l-prosekuzzjoni ma tellgħetux jixhed, filwaqt li Borg għażel li jixhed hu stess, li l-avukat iddeskriva bħala “atti ta’ kuraġġ”.
L-avukat Lennox Vella ddefenda lill-akkużat flimkien ma’ Mifsud. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-avukati Kevin Valletta u Cynthia Tomasuolo mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati Kevin Valletta u Cynthia Tomasulo mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
Il-Qorti ordnat li jitħassar kull ordni ta’ qbid jew kundanna proviżorja relatata mal-każ. Din id-deċiżjoni timmarka t-tmiem ta’ każ li kien ilu jixxandar fil-qrati Maltin għal aktar minn seba’ snin. Il-koppja Nicholas u Shana Farruguia wkoll qed tistenna li tgħaddi ġuri b’rabta mal-każ.
//= $special ?>