Opinjoni

OPINJONI: Għaliex iż-żgħażagħ ma jaffordjawx jixtru proprjetà

minn Joe M. Zahra

Kull tliet xhur l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika jippubblika l-Indiċi tal-Prezzijiet tal-Proprjetà Residenzjali. Jirriżulta li l-proprjetà togħla dejjem. Xahar wara xahar. Sena wara sena. Skont ċifri pubblikati mill-bidu tal-2019 sal-aħħar ta’ Ġunju 2025 il-proprjetà għoliet b’53.4 fil-mija. Ħafna iktar milli għoliet l-inflazzjoni. Din fl-istess perjodu għoliet b’20.2 fil-mija. Li jfisser li l-prezz tal-proprjetà għola iktar mid-doppju u nofs tar-rata tal-inflazzjoni li fuqha jingħataw iż-żidiet. Żidiet li minnhom tinqata’ wkoll l-income tax! Dawn il-fatturi flimkien qed jagħmluha diffiċli għaż-żgħażagħ tagħna li jkollhom id-dar tagħhom. Li jkunu jistgħu jieħdu l-istat tagħhom jekk ma jsibux spalla mill-ġenituri biex jixtru. Isibu anke diffiċli biex jagħmlu depożitu fuq il-proprjetà li jkunu ser jixtru. Fl-istess waqt anke l-kirjiet għolew ħafna. U dan ukoll qed ipoġġi piż fuq min irid jieħu l-istat tiegħu.

Skont il-Eurostat l-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea, fit-tliet xhur ta’ bejn April u Ġunju ta’ din is-sena l-proprjetà f’Malta għoliet b’5.6 fil-mija. Anke iktar mill-medja fl-Unjoni Ewropea u z-zona ewro. Kien hemm pajjiżi fejn għoliet ħafna iktar minn tagħna. Fosthom Spanja (+12.8) u l-Portugall (+17.2). Kien hemm fejn iż-żieda kient baxxa ħafna bħal Ċipru (+1.0) u u l-Isvezja (0.7). U kien hemm fejn il-prezz tal-proprjetà naqas bħal fil-Fillandja (-1.3).

Jirriżulta li f’pajjiżi fejn hemm turiżmu tal-massa l-prezz tal-proprjetà qed jogħla iktar minn pajjiżi oħrajn. Dan qed iwassal għal inkwiet fost il-popolazzjonijiet tal-post għaliex bi proprjetà iktar għolja qed igawdu l-ftit u jbatu l-ħafna. Ibatu dawk li ser jibdew il-ħajja. Dawk li se jixtru l-ewwel dar jew appartament. Qed iwassal ukoll għal tensjoni li jista’ jkollha riperkussjonijiet fuq it-tmexxija ta’ dawn il-pajjiżi.

Nhar il-Ħamis 9 ta’ Ottubru fil-Parlament kienet organizzata konferenza dwar it-titjib fil-kwalità tal-ħajja. Fil-konferenza, organizzata mill-Membri Parlamentari Nazzjonalista Ivan Bartolo, il-kelliema trattaw fost suġġetti oħra dawk bla saqaf fuq rashom, l-akkomodazzjoni soċjali  u s-suq tal-kiri.

Kurt Xerri, meta indirizza l-isfidi  tal-housing, qal li llum il-prezz medju ta’ dar f’pajjiżna hu madwar tnax-il darba iżjed mill-paga medja. 10 snin ilu r-rata kienet disa’ darbiet inqas. Qal li din hija sfida kbira għal 45,000 żgħażagħ ta’ bejn il-25 u l-35 sena li ma jaffordjawx li jixtru post għalihom infushom u għalhekk jibqgħu jgħixu mal-ġenituri tagħhom.

Matthew Attard, President ta’ Solidarjetà, enfasizza l-bidla drammatika fis-suq tal-kera fl-aħħar ħmistax-il sena. Il-kera medja fis-sena 15-il sena ilu kienet €3,500. Is-sena l-oħra telgħet għal iktar minn €10,000.

Dawn waħedhom diġà  jixegħlu bozza ħamra. Iżda x’qed iwassal għal din iż-żieda bla rażan fil-prezz tal-proprjetà u fil-kiri?

Żieda fil-popolazzjoni

Iż-żieda fil-popolazzjoni hi kawża ewlenija. Meta jkollok popolazzjoni li fi ftit snin tiżdied b’160,000 fuq l-400,000 li kien hemm din toħloq problemi kbar ta’ akkomodazzjoni. Dawn il-160,000 iridu fejn joqogħdu? U biex isibu fejn joqogħdu tidħol fl-istorja l-formula tad-domanda u l-provvista. Ikbar id-domanda, inqas il-provvista li jwasslu biex ikun hemm il-prezz tal-proprjetà jogħla. U dak hu li qed jiġri f’pajjiżna! Mal-prezz tal-proprjetà qed jogħlew ukoll il-kirjiet mhux b’xi ewro jew tnejn iżda bl-eluf.

Fattur ieħor li qed iwassal għall-għoli tal-proprjetà u l-kirjiet għoljin hu t-turiżmu tal-massa. It-turiżmu tal-massa qed ikompli jimpatta fuq is-suq tal-proprjetà u l-kirjiet. Iktar ma jiġu turisti tal-massa ikbar il-ħtieġa ta’ appartamenti għall-kiri. Ikbar id-domanda ikbar il-prezz tal-kirjiet!

Impatt fuq iż-żgħażagħ

Dan kollu qed jimpatta fuq dawk, speċjalment żgħażagħ, li jridu jixtru l-ewwel dar tagħhom jew iridu jikru biex ma jibqgħux jgħixu mal-ġenituri tagħhom. Ma ninsewx li ż-żgħażagħ tagħna huma fost l-iktar li jibqgħu jgħixu taħt is-saqaf tal-ġenituri fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Raġuni għal dan hi l-prezz tal-proprjetà. Illum biex tixtri proprjetà li tan-inqas tiswa €150,000 u tkun trid tissellef mill-bank, irid ikollok l-eluf għad-depożitu u impjieg li jagħmel tajjeb biex tħallas ir-rati ta’ kull xahar. U meta tispiċċa tħallas dak li tkun xtrajt issib li swielek iktar mid-doppju!

Il-Partit Nazzjonalista, konxju minn din il-problema li ġab fuq pajjiżna l-Gvern Laburista meta ddeċieda li jibni l-ekonomija ta’ pajjiżna fuq l-importazzjoni tan-nies, lesta diversi proposti biex darba fil-Gvern jattwahom. Biex jgħin liż-żgħażagħ ikollhom l-ewwel dar tagħhom jew biex jikru l-ewwel appartament tagħhom.

Il-Kap Nazzjonalista Alex Borg meta l-Ħadd 12 ta’ Ottubru indirizza folla kbira taħt it-tinda quddiem id-Dar Ċentrali meta mistoqsi dwar in-nies li qed joħorġu mill-Belt Valletta qal li l-ewwel u qabel kollox il-kapitali ta’ pajjiżna hi d-dar ta’ residenti li qed jgħixu fiha. Qal li jrid ikollna diskussjoni serja dwar kif se nerġgħu nattiraw lin-nies li jagħżlu l-belt kapitali bħala post fejn joqogħdu biex tibqa’ ħajja l-ewwel u qabel kollox għar-residenti. Semma ż-żgħażagħ li jkunu qed ifittxu li jixtru l-ewwel proprjetà tagħhom u li llum qed isibu diffikultajiet kbar minħabba l-ispejjeż dejjem jogħlew.

Il-Partit Nazzjonalista ħabbar diversi miżuri biex jgħin lil dawk li jkunu se jixtru l-ewwel proprjetà. Fosthom żgħażagħ li qed isibuha impossibbli li jkollhom l-ewwel dar tagħhom.

Li jkollok proprjetà saret impossibbli għal ħafna Maltin u Għawdxin. Il-Partit Nazzjonalisti għandu s-soluzzjonijiet. Issa jrid ikun il-poplu li jagħti fiduċja lill-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Alex Borg biex dak li qed jipproponi jiġi attwat.

Li jkollok proprjetà saret impossibbli għal ħafna Maltin u Għawdxin.

It-tabella turi ż-żieda fil-prezz tal-proprjetà skont l-Indiċi tal-Prezz tal-Proprjetà residenzjali kull tliet xhur tas-snin 2019/Ġunju 2025. Fl-aħħar ta’ Marzu 2019 l-indiċi kien juri 118.53. Fl-aħħar ta’ Ġunju ta’ din is-sena l-Indiċi tela’ għal 171.93 – żieda ta’ 53.40

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ġimgħa 17 ta’ Ottubru, 2025.