Veronica Perici Calascione
Teżorier tal-Partit Nazzjonalista
Il-Ħadd li għadda rajna xhieda ħajja ta’ kemm il-qalb tal-Partit Nazzjonalista, il-partit tagħna, tassew tħabbat b’enerġija u dedikazzjoni bla qies, hekk kif saret il-Maratona Ġbir ta’ Fondi.
Din id-darba, b’differenza, fl-istess ġurnata kellna l-aħħar Assemblea Distrettwali propju barra l-Istamperija filgħodu, filwaqt li ftaħna d-Dar Ċentrali matul il-jum bi spazju għal familji, zona dedikata għat-tfal, u kif ukoll il-wirja Rott’Arti li wieħed seta’ jżur u jara t-talent tal-artisti lokali tagħna. Din l-inizjattiva ma kinetx biss ġabra ta’ fondi, iżda wirja ċara ta’ kemm hawn entużjażmu, impenn u tama fost il-partitarji, is-sostenituri u kull min jemmen fil-valuri u l-viżjoni tal-partit.
Din kienet ukoll l-ewwel Maratona tal-Kap il-ġdid Alex Borg, u tabilħaqq wieħed seta’ jmiss b’idejj u jara b’għajnejj l-interess u l-enerġija ġdida, u jara l-viżjoni ċara tal-Kap. Il-messaġġ li wasal mingħand kull persuna li tat sehemha – kemm finanzjarjament kif ukoll bil-preżenza jew bil-kelma ta’ kuraġġ – kien wieħed: aħna magħkom, u lesti biex nimxu ’l quddiem flimkien, għaliex inħossu li Dan Hu l-Mument.
Il-Maratona kienet ukoll opportunità mill-aqwa biex bħala Teżorier niltaqa’ mat-tesserati tagħna, mal-kunsilliera u l-membri, u nies minn kull rokna ta’ Malta u Għawdex, li ġew jagħtu sostenn lill-partit. Kienet okkażjoni fejn id-diskussjoni miftuħa ma naqsitx – dwar fejn wasalna, x’għad fadlilna nagħmlu, u kif nistgħu nkunu aktar qrib il-poplu.
Mumenti (u avvenimenti) bħal dawn huma kruċjali, mhux biss biex niġbru fondi, iżda wkoll biex insaħħu r-rabtiet ta’ bejnietna u naqsmu ideat u suġġerimenti biex infasslu pjan konkret għas-snin li ġejjin, pjan li verament ikun imfassal fuq l-aspetti li jolqtu direttament lill-poplu Malti u Għawdxi.
M’hemmx dubju li dawn l-inizjattivi jgħinuna b’mod dirett biex nilħqu l-impenn finanzjarju tagħna u nkomplu nippreparaw għal kull sfida – inkluż, bla dubju, l-elezzjoni ġenerali li jmiss – li tista’ tissejjaħ minn issa sa sentejn oħra. Għalina bħala partit, kull donazzjoni u kull ammont li nirċievu , tgħinna ħafna biex nieħdu ħsieb l-impenji finanzjarji tagħna, kemm immedjati u dawk futuri, u kif ukoll jissarraf f’investiment, fi proġetti, f’tisħiħ tal-midjatagħna, f’kapaċità u f’opportunità li nkomplu nissaħħu bħala partit, kemm b’mod finanzjarju, u kif ukoll bhala partit li jrid jibqa’ jgħin lill-poplu b’mod konkret u b’viżjoni ċara għall-futur.
F’dan il-kuntest ta’ ħeġġa u ħidma, ma nistax ma niqafx ftit biex nirrifletti fuq dak li ksibna flimkien bħala tim wieħed matul dawn is-sentejn li ili fil-kariga ta’ Teżorier tal-Partit – hekk kif bil-mod il-mod nersaq lejn tmiem dan il-kapitlu. Ħaġa waħda hi ċerta: mingħajr id-dedikazzjoni u l-impenn bla waqfien tal-ħaddiema, kontributuri,voluntiera u tant nies ta’ rieda tajba – li jagħmlu mirakli biex ikollna attivitajiet ta’ kwalità u ta’ suċċess – bħal dawn il-maratoni, u ħafna attivitajiet oħra, żgur ma jkunux possibbli. Dawn huma l-mutur li jmexxu dan il-partit, il-prova ħajja li meta naħdmu flimkien u f’għaqda bejnietna, kull mira tista’ tintlaħaq.
Ninsab aktar minn qatt qabel ħerqana li nkompli naħdem fi ħdan il-Partit Nazzjonalista, determinata li nkompli nservi u nagħti kemm nista’, kif kelli l-unur li nagħmel f’dawn l-aħħar sentejn, bil-ħeġġa u b’dedikazzjoni, sabiex flimkien inkomplu nibnu partit aktar b’saħħtu, inklussiv u viċin in-nies, u li verament jagħmel differenza fil-ħajja tan-nies.
Il-Maratona ta’ nhar il-Ħadd kienet waħda ta’ suċċess u waħda li tawgura tassew sabiħ għaż-żmien li ġej. Kienet pass ieħor lejn futur mibni fuq ħidma, impenn u tama. Grazzi minn qalbi lilkom kollha. Inħares ’il quddiem biex nibqgħu mexjin lejn futur aħjar għal pajjiżna – flimkien.
Veronica Perici Calascione hi Kandidata għall-Elezzjoni tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ġimgħa 17 ta’ Ottubru, 2025.
//= $special ?>