Lokali Qorti

Ordni ta’ ffriżar ġenerali f’każ ta’ droga ma tiksirx id-dritt għal smigħ xieraq

Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni kostituzzjonali, preseduta mill-Imħallef Giovanni Grixti, iddeċidiet li ordni ta’ ffriżar ġenerali ma tiksirx id-dritt ta’ smigħ xieraq u lanqas id-dritt għall-proprjetà tal-akkużat f’każ ta’ traffikar ta’ droga.

Il-każ kien jikkonċerna lit-tabib Andrew Agius, sid il-Pain Clinic, li kien ġie mixli fl-10 ta’ Marzu 2022 b’importazzjoni, bejgħ u pussess aggravat ta’ kannabis. Agius dejjem ċaħad l-akkużi. F’Settembru 2024, Agius fetaħ kawża kostituzzjonali kontra l-Istat permezz tal-Avukat tal-Istat u l-Avukat Ġenerali, fejn sostna li d-drittijiet tiegħu għal smigħ xieraq u għall-proprjetà, kif protetti mill-Kostituzzjoni u mill-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, kienu qed jinkisru minħabba ordni ta’ ffriżar maħruġa fil-proċeduri kriminali kontrih.

Matul it-tressiq tiegħu, il-Qorti kienet irrifjutat it-talba tal-prosekuzzjoni biex toħroġ ordni permanenti ta’ ffriżar, iżda kienet ħarġet waħda temporanja. Aktar tard, f’Mejju 2022, il-Qorti Kriminali ħarġet ordni ta’ ffriżar sħiħa kontra tiegħu.

Skont l-Ordinanza dwar id-Drogi Perikolużi (Kap. 101), meta persuna tiġi mixlija b’bejgħ, traffikar jew pussess aggravat ta’ droga, il-Qorti obbligatorjament trid toħroġ ordni ta’ ffriżar fuq talba tal-prosekuzzjoni. Din tkopri l-flus, il-proprjetà mobbli jew immobbli kollha li jappartjenu jew huma dovuti lill-akkużat, u tipprojbixxih milli jiddisponi jew jittrasferixxi xi proprjetà.

F’Novembru 2022, Agius talab li l-ordni tiġi limitata, iżda l-Qorti tal-Maġistrati ċaħdet it-talba billi qalet li ma kellhiex setgħa legali biex tagħmel dan. Ġie spjegat li kull limitazzjoni tkun tikkostitwixxi revoka parzjali u allura kienet barra mis-setgħat tagħha.

Minkejja li emendi fil-liġi daħlu fis-seħħ fl-2024, li jitolbu li l-prosekuzzjoni tiddikjara l-ammont ta’ proprjetà affettwat mill-ordni fi żmien 90 jum, il-Qorti osservat li dawn ma japplikawx għal każijiet taħt l-Ordinanza dwar id-Drogi Perikolużi.

Il-Qorti qieset li l-ordni ta’ ffriżar hija miżura prekawzjonarja, mhux tneħħija sħiħa ta’ proprjetà, u għalhekk ma tikkostitwixxix ksur tad-dritt għall-proprjetà. Il-protezzjoni kontra t-tneħħija ta’ proprjetà mingħajr kumpens, kif hemm fil-Kostituzzjoni, ma tapplikax meta miżuri bħal dawn jittieħdu bħala konsegwenza ta’ proċeduri kriminali jew ta’ ksur tal-liġi.

Fil-kuntest tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 tal-Konvenzjoni Ewropea, il-Qorti qalet li intervent mill-Istat irid ikun skont il-liġi, iservi interess ġenerali u jkun proporzjonat. Jeħtieġ li jkun hemm bilanċ ġust bejn l-interess pubbliku u d-drittijiet fundamentali tal-individwu.

Il-Qorti sostniet li l-iskop tal-ordnijiet ta’ ffriżar huwa li jipprevjenu lill-akkużati milli jibbenefikaw mill-profitti ta’ reat, u għalhekk hemm ġustifikazzjoni leġittima għal dawn il-miżuri, li għandhom bażi fil-liġi u jgħinu fil-ġlieda kontra l-kriminalità.

Fil-każ ta’ traffikar ta’ droga, l-ordnijiet ta’ ffriżar huma “blanket” u obbligatorji, sabiex jekk l-akkużat jinstab ħati, l-assi tiegħu jkunu jistgħu jiġu kkonfiskati favur il-Gvern.

Il-Qorti osservat li matul it-tliet snin li ilu taħt ordni ta’ ffriżar, Agius kien ippreżenta diversi talbiet għal varjazzjonijiet li kienu kollha aċċettati — fosthom biex jivvjaġġa għax-xogħol u għall-vaganzi. Għaldaqstant, il-Qorti qalet li l-pretensjonijiet tiegħu kienu “ġeneriċi u superfiċjali”, peress li ma wera l-ebda prova konkreta ta’ pregiudizzju jew diffikultà serja. Il-Qorti rrimarkat ukoll li l-limitu ta’ €13,976.24 stabbilit mill-ordni ma jxekkilx ħajja deċenti għalih u għal familtu.

Fir-rigward tal-allegat ksur tad-dritt għal smigħ xieraq, il-Qorti sostniet li l-emendi tal-2024 ma jistgħux jiġu applikati retroattivament, u li dan id-dritt ma jistax jinħoloq biex jespandi lil hinn minn dak li tipprovdi l-liġi.

Il-Qorti enfasizzat li l-ordni ta’ ffriżar ma tmissx il-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza, għaliex iż-żewġ kwistjonijiet huma kompletament distinti. Għaldaqstant, il-Qorti ċaħdet il-pretensjonijiet kollha ta’ Agius u ddeċidiet li d-drittijiet tiegħu ma nkisrux.

It-tabib Agius kien assistit mill-avukati Giannella De Marco, Stephen Tonna Lowell u Kristina Rapa Manché, filwaqt li l-Avukat Julian Farrugia deher f’isem l-Avukat tal-Istat.