Żagħżugħ ta’ 26 sena, li meta seħħew il-fatti kien għadu 19-il sena, inqabad b’ħdax-il pakkett kokaina f’Paceville u tressaq quddiem il-Qorti tal-Maġistrati fejn instab ħati fuq pussess ta’ kokaina mhux għall-użu personali.
Huwa ngħata sentenza ta’ 16-il xahar ħabs u multa sostanzjali, wara li l-Qorti kkunsidrat il-provi, il-kundizzjoni mentali tiegħu u l-kollaborazzjoni mal-Pulizija. Ronaldo Cassar, ammetta l-akkużi kollha b’rabta mal-każ kif ukoll li wettaq dan ir-reat fi distanza ta’ inqas minn 100 metru minn post fejn jiltaqgħu ż-żgħażagħ, jiġifieri klabb fil-Paceville.
Il-każ jmur lura għall-15 ta’ April 2018, meta l-pulizija tal-Iskwadra Kontra d-Droga, waqt spezzjoni fil-klabb Havana f’Paceville, waqqfu lil Cassar u, wara tfittxija fuq il-persuna tiegħu, sabulu 11-il pakkett bi trab abjad fil-parti privata tiegħu.
It-testijiet tal-espert tal-Qorti, Gilbert Mercieca, ikkonfermaw li s-sustanza kienet kokaina ta’ purità ta’ 73.31%, b’piż totali ta’ 3.225 gramma u valur stimat fis-suq ta’ €576.79. Matul l-interrogazzjoni tiegħu, Cassar inizjalment sostna li d-droga ma kinitx tiegħu iżda li kien qed iżommha għal persuna oħra li talbitu biex iżommha għal ftit ħin.
L-għada, huwa rritorna l-għassa minn jeddu u ta stqarrija ġdida, fejn semma lil Christian Farrugia bħala s-sid tad-droga. Cassar kien ta wkoll stqarrija ġuramentata quddiem Maġistrat, li wasslet sabiex Farrugia jitressaq il-Qorti fuq akkużi relatati mat-traffikar.
Matul il-proċeduri, l-Ispettur Frank Anthony Tabone (illum avukat) ikkonferma li Cassar kien ikkopera b’mod sħiħ mal-Pulizija u li l-assistenza tiegħu kienet kruċjali biex jinfetħu proċeduri oħra. Huwa rrimarka wkoll li l-imputat kellu jibbenefika mill-Artikolu 29 tal-Kapitolu 101, li jippermetti tnaqqis fil-piena għal min jikkollabora mal-awtoritajiet.
Il-proċess ġudizzjarju ġie mfixkel minn diversi postponimenti, anke minħabba problemi ta’ saħħa mentali tal-imputat. Rapport mediku mill-Isptar Monte Carmeli, ippreżentat mir-rappreżentant Atilo Agius, ikkonferma li Cassar kien rikoverat għal trattament f’Ottubru 2024.
Il-psikjatra Dr. Anthony Dimech stqarr li Cassar kien qed isofri minn “schizoaffective disorder”, kundizzjoni mentali serja li kienet qed taffettwa l-ħsieb u l-imġiba tiegħu, iżda li kien qed jirċievi kura u kien f’proċess ta’ stabbilizzazzjoni.
F’Mejju 2025, Cassar ammetta r-reati kollha miġjuba kontrih. Fid-dawl ta’ din l-ammissjoni, id-difiża talbet lill-Qorti biex, minflok priġunerija, tapplika l-Artikolu 22(9a) tal-Kapitolu 101 — emenda ġdida tal-2025 li tippermetti li, f’każijiet fejn il-piena ma taqbiżx sentejn ħabs, il-Qorti tista’ tordna probation minflok priġunerija, jekk hemm ċirkustanzi ta’ riabilitazzjoni u tibdil pożittiv fl-imġiba tal-ħati.
Il-Qorti qieset li Cassar kien żagħżugħ ta’ 19-il sena meta twettaq ir-reat, li kollabora mal-awtoritajiet u li qiegħed taħt kura psikjatrika attiva. Il-Prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispetturi Frank Anthony Tabone u Mark Mercieca, ma oġġezzjonatx għall-applikazzjoni ta’ dan il-benefiċċju.
Cassar fuq ammissjoni tiegħu nstab ħati tal-imputazzjonijiet kollha miġjuba fil-konfront tiegħu u
kkundannatu għall-piena ta’ 16-il xahar priġunerija effettiva, kif ukoll multa ta’ €1200, li tista’ titħallas b’rati mensili u konsekuttivi ta’ €100.
F’kaz li l-ħlas ikun se isir b’rati mensili, il-multa mposta għandha titħallas fi żmien 13-il xahar u l-ewwel pagament għandu jsir fi żmien xahar mid-data tas-sentenza, b’dana li jekk il-ħati jonqos milli jħallas pagament wieħed, l-ammont sħiħ jew kwalunkwe bilanċ rimanenti jiġi dovut minnufih u jekk dan ma jitħallasx jiġi konvertit fi priġunerija skond il-liġi.
Il-Qorti ordnat lil Cassar sabiex iħallas nofs l-ispejjeż konnessi mar-relazzjoni tal-espert ix-Xjenzat Gilbert Mercieca, liema spejjeż jammontaw għal €460.20 u għalhekk l-imputat qiegħed jiġi ordnat iħallas l-ammont ta’ €230.10.
Dawn l-ispejjeż għandhom jitħallsu mill-ħati fi żmien erba’ xhur mill-llum. Peress illi mill-atti jirriżulta li hemm proċeduri kriminali oħra pendenti kontra terza persuna in konnessjoni mal-istess fatti, mhux se tkun qegħda tordna ddistruzzjoni tad-droga eżebita.
In oltre il-Qorti attirat l-attenzjoni tad-Direttur tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi dwar il-fatt illi huwa ferm importanti illi l-ħati jingħata l-kura u l-għajnuna kollha neċessarja, inkluż dik psikoloġika. Għal Cassar deher l-Avukat Jacob Magri. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Frank Anthony Tabone u Mark Mercieca.
//= $special ?>