Il-Qorti tal-Maġistrati preseduta mill-Maġistrat Monica Vella, tat sentenza sospiża fil-konfront ta’ raġel ta’ 27 sena li ismu ma jistax jissemma b’ordni tal-Qorti, wara li ammetta li kien qassam u aċċessa materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal.
Il-każ beda wara li l-Pulizija rċeviet rapport li l-imputat kien qed jaċċessa u jxandar kontenut ta’ abbuż sesswali fuq tfal. Wara investigazzjonijiet, il-Pulizija arrestat lir-raġel u wettqet tfittxija fid-dar tiegħu, fejn instabu apparat elettroniku u materjal relatat mal-kontenut illegali allegat. Waqt l-ewwel dehra tiegħu quddiem il-Qorti f’Marzu 2025, l-imputat ammetta mill-ewwel l-akkużi miġjuba kontrih.
Fil-ġudizzju tagħha, il-Qorti enfasizzat is-serjetà kbira ta’ dan it-tip ta’ reat, u osservat kif tali delitti “jattakkaw il-valuri tas-soċjetà u l-ordni pubbliku” kif ukoll “id-dritt tat-tfal għal ħajja diċenti”. Il-Maġistrat Vella madankollu qieset ukoll li l-imputat kien wera koperazzjoni mal-awtoritajiet, ammetta mill-ewwel, u li kien jeħtieġ trattament.
B’riżultat ta’ dan, il-Qorti kkundannatu għal sentejn ħabs, sospiżi għal erba’ snin, flimkien ma’ ordni ta’ trattament ta’ sentejn. Ġiet ukoll ordnata l-qerda tal-materjal illegali u r-raġel ġie rreġistrat fir-Reġistru tal-Offensuri Sesswali.
Il-Qorti rrimarkat li, minkejja l-gravità tal-fatti, kienet qed tagħti ċans ta’ riabilitazzjoni lill-imputat taħt kundizzjonijiet stretti, filwaqt li rrikonoxxiet li tali reati huma ta’ natura serja u jmorru kontra l-valuri fundamentali tas-soċjetà Maltija.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi tal-Pulizija Carl Pace u Wayne Buhagiar, filwaqt li l-imputat kien assistit mill-avukati Franco Debono u Marion Camilleri.
//= $special ?>