Lokali Qorti

Sentenza sospiża fuq vjolenza kontra l-eks sieħba tiegħu

Olandiż ta’ 33 sena, Kevin Van Waas, ġie kundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li ammetta li matul il-lejl bejn l-14 u l-15 ta’ Ottubru, bejn id-10.pm u s-6am, f’Birkirkara, uża vjolenza kontra l-eks sieħba tiegħu li hi ta’ nazzjonalità Maltija.

Minn informazzjoni li għandu dan is-sit jidher li l-akkużat hedded lil mara b’sikkina u li ma ħallihiex toħroġ mir-residenza fejn kienu. Minħabba li kienet imbeżża’ raqdet fir-residenza u meta filgħodu ħarġet, marret tagħmel rapport għand il-Pulizija.

L-akkużat minn Rotterdam u li f’Malta huwa residenti Birkirkara u li jaħdem fl-IGaming tressaq quddiem il-Qorti, quddiem il-Maġistrat Lara Lanfranco, taħt diversi akkużi relatati ma’ vjolenza domestika, fosthom li uża vjolenza morali u fiżika kontra l-mara, li naqqas il-kapaċità tagħha jew ipprova jillimitaha, iżommha iżolata, jew iċaħħadha mill-aċċess għall-flus, ix-xogħol jew l-edukazzjoni. Id-difiża ma kkontestatx il-validità tal-arrest.

Hu ġie wkoll akkużat li bl-aġir tiegħu kkaġuna lill-vittma biża’ li se tintuża vjolenza kontrinha, u li ħa fil-pussess tiegħu l-mobajl tagħha mingħajr ma kellu l-intenzjoni li jisirqu jew jagħmel ħsara. Skont l-akkużi, Van Waas ipprova juża forza kontra l-mara bil-ħsieb li jweġġagħha jew idejjaqha, kif ukoll li insultaha u li qabeż il-limiti tal-provokazzjoni.

Il-prosekuzzjoni qalet fis-sottomissjoni tagħha li għandha tingħata sentenza sospiża fil-massimu tagħha u għalhekk m’għandhiex tingħata piena karċerarja effettiva u dan anke għall-fatt li saeret ammissjoni fi stadju bikri tal-proċeduri u li l-kondotta tal-akkużat hija waħda nadifa. Argument li d-difiża qablet miegħu.

Il-Qorti ħarġet ordni ta’ trażżin favur il-vittma, bl-akkużat jiġi mwissi li ma jistax ikellimha u li bl-ebda mod ma jista’ jagħmel kuntatt magħha, għax f’dak il-każ jerġa’ jitressaq il-Qorti u f’każ ta’ ħtija jista’ jiġi kundannat piena karċerajra jew multa jew saħansitra t-tnejn flimkien.

Il-Maġistrat Lanfranco qaltlu li ma jistax lanqas jersaq fil-post fejn taħdem il-vittma jew jagħmel kuntatt magħha fuq il-media soċjali jew permezz ta’ terzi persuni. Il-Qorti qaltlu biex joqgħod attent għall-erba’ snin li ġejjin għax jekk jerġa’ jikser il-liġi s-sentenza ta’ sentejn ħabs tidħol fis-seħħ.

Il-prosekuzzjoni kienet immexxija mill-Ispettur Omar Zammit. Għall-Olandiż deher l-Avukat Axl Camilleri.