Internazzjonali

Zelensky se jerġa’ jiltaqa’ mal-President Trump f’Washington

Il-President Ukren Volodymyr Zelensky se jiltaqa’ mal-President Amerikan Donald Trump f’Washington aktar tard illum, hekk kif Trump qed jikkunsidra jagħtix lill-Ukrajna missili Tomahawk li jistgħu jolqtu direttament lir-Russja fuq distanzi twal.

Zelensky fil-fatt talab lill-Istati Uniti biex jipprovdu lill-Ukrajna dawn il-missili avvanzati, li għandhom saħħa li jaslu sa 2,500 kilometru.

Il-laqgħa tal-President Amerikan ma’ dak Ukren se ssir ġurnata wara li Trump qal li sar progress kbir waqt telefonata mal-President Russu Vladimir Putin, fejn it-tnejn qablu li jsiru laqgħat wiċċ im ’wiċċ fl-Ungerija.

Trump qal li t-telefonata, l-ewwel waħda ma’ Putin minn nofs Awwissu, kienet produttiva ħafna, u żied jgħid li timijiet minn Washington u Moska se jiltaqgħu l-ġimgħa d-dieħla.