Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg żar il-Maratona ta’ 35 siegħa li qed jorganizza fi tmiem din il-ġimgħa l-istazzjon tar-radju Calypso – maratona b’risq Puttinu Cares.
Alex Borg qatta’ ħin iwieġeb it-telefonati taċ-ċittadini ġenerużi hekk kif l-għan wara l-organizzazzjoni ta’ din il-maratona huwa li jinġabru biżżejjed fondi sabiex Puttinu Cares jixtru l-għamara għall-wieħed mill-appartamenti l-ġodda fil-Belt ta’ Londra.
Il-Maratona imtellgħa fl-istudios tal-Calypso f’Ħal Luqa, għandha għaddejja sat-tmienja ta’ filgħaxija tal-Ħadd u l-għan tagħha huwa li jgħinu lill-Puttinu Cares sabiex jgħamru l-appartamenti tal-binja l-ġdida imsemmija għall-mibki tabib Victor Calvagna – binja li tinsab fiċ-ċentru ta’ Londra – 10 minuti mixi ‘l bogħod mill-Great Ormond Street Hospital.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg irringrazzja lill-organizzaturi ta’ din il-maratona filwaqt li faħħar il-ġenerożità tal-poplu Malti u Għawdxi li dejjem juru qalb tajba meta jiġu msejħa sabiex jgħinu lil min huwa l-aktar fil-bżonn.
Dan filwaqt li rringrazzja lil Puttinu Cares tal-ħidma sfieqa u kontinwa li jagħmlu sena wara l-oħra; ħidma li issa ilha għaddejja għal aktar minn 20 sena.
L-għan ewlieni ta’ Puttinu hu li joffri appoġġ u serħan il-moħħ lil dawn il-familji billi jipprovdi akkomodazzjoni bla ħlas qrib l-isptarijiet fejn isir it-trattament. Madankollu, minħabba ż-żieda fil-każijiet u l-ħtieġa dejjem tikber, il-postijiet disponibbli bħalissa mhumiex biżżejjed biex jilqgħu lil kulħadd. U huwa għalhekk li qed isir investiment biex jiżdiedu l-postijiet għall-pazjenti li jkollhom bżonn kura fil-kapitali Ingliża.
//= $special ?>