Lokali Sport

Robert Arrigo… tliet snin mill-mewt ta’ ġentlom li ħalla legat f’kull qasam li ħadem fih

Robert Arrigo
Robert Arrigo

Bħal-lum tliet snin kienet tħabbret il-mewt ta’ wieħed mill-aktar Presidenti ta’ klabb tal-futbol lokali li kiseb suċċess, ħalla impatt fiż-żmien li kien involut u kien rispettat minn kulħadd, inkluuż mill-avversarji diretti tiegħu.

Fit-18 ta’ Ottubru tal-2022, wara marda qasira, kmieni filgħodu, konna qomna bl-aħbar li d-Deputat Parlamentari f’isem il-Partit Nazzjonalista, Robert Arrigo kien ħalla din id-dinja fl-etá ta’ 68 sena.

Fil-futbol, Arrigo kien President ta’ suċċess, fejn rebaħ xejn inqas minn 15-il unur bħala President ta’ Sliema Wanderers. Fost dawn hu kien rebaħ erba’ darbiet il-Kampjonat Premier, u darbtejn l-FA Trophy, bl-istaġun 2003/04 jibqa’ wieħed memorabbli għal Arrigo u għas-Slimiżi kollha, meta kienu temmew bir-rebħ tad-double.

Arrigo, li kien imprenditur ta’ suċċess fil-qasam tat-turiżmu, kien serva bħala President ta’ Sliema Wanderers għal 12-il sena sħaħ. Hu kien ħa post il-mibki President Slimiż, George Bonello Dupuis, f’Jannar tal-2006, u f’dak l-istess staġun hu kien mexxa lill-Wanderers għar-rebħ tal-ewwel Kampjonat minn erbgħa li hu rebaħ mal-klabb fir-rwol ta’ President.

Arrigo kien irreżenja mit-tmexxija ta’ Sliema Wanderers, fit-tmiem tal-istaġun 2007/08.

Mill-perspettiva ta’ amministratur fl-isport, Arrigo kien ukoll għal xi żmien Chairman ta’ Gżira United u għal żewġ staġuni, f’nofs is-snin 90, hu kien parti mill-kumitat tal-klabb tal-waterpolo, Neptunes.

Arrigo kien, għadu u jibqa’ personalitá maħbuba mas-Slimiżi, fejn serva wkoll bħala Sindku tal-lokalitá bejn l-1994 u l-2003.

F’Marzu tal-2003, hu kien elett għall-ewwel darba bħala Membru Parlamentari, fejn baqa’ jibqa’ jiġi elett fuq żewġ distretti elettorali, sal-aħħar elezzjoni li kkontesta, f’Marzu tal-2021.

Bejn l-2017 u l-2022, Arrigo kien ukoll wieħed mill-Viċi Kapijiet tal-Partit Nazzjonalista, fejn ħadem bis-sħiħ fil-ġbir tal-finanzi. Fil-futbol, Arrigo ħalla legat kbir, bir-rebħ ta’ unuri li komplew jagħmlu sal-lum lil Sliema Wanderers, l-akbar fl-istorja ta’ Malta. Madankollu fir-rwol politiku tiegħu, fost id-diversi kisbiet, fiż-żmien li għamel bħala Viċi Kap tal-PN għall-affarijiet tal-Partit, hu kien organizza xejn inqas minn 18-il maratona ta’ ġbir ta’ fondi u kien wieħed mill-politiċi tal-Partit li ħadem bla nifs biex jissaħħaħ l-investiment mitlub biex jissaħħu l-pjattaformi kollha tal-media li għandu l-PN, fosthom ix-xiri ta’ Outside Broadcasting Unit u apparat ieħor li għadu jitgawda u jintuża sal-lum.

Tliet snin wara, it-telfa ta’ Robert Arrigo għadha tinħass f’kull sens u minn kulħadd.