Neil Camenzuli
Bejn l-10 ta’ Ottubru u l-14 ta’ Ottubru, it-timijiet ta’ taħt id-19-il sena, ta’ taħt il-21 sena u t-tim nazzjonali malti lagħbu 6 partiti bejniethom, u tilfu kull konfront, fejn f’dawk is-sitt partiti rnexxilhom jiskorjaw biss żewġ gowls.
It-tim Malti ta’ taħt id-19-il sena kien impenjat darbtejn kontra l-Belarus fis-Centenary Stadium, bl-ewwel logħba tintlagħab il-Ġimgħa 10 ta’ Ottubru u l-iskor finali jkun 3-1. Kienet partita pjuttost kumbattuta, fejn saħansitra t-tim Malti mmexxi minn Vasco Regini rnexxielhu jiftaħ l-iskor permezz taż-żgħażugħ promitenti ta’ Valletta, Thomas Melillo.

It-tim ta’ taħt id-19-il sena tilef żewġ konfronti kontra l-Belarus
Jekk wieħed janalizza sew l-ewwel ħdax tal-Belarus, u jagħti ħarsa lejn il-partiti preċedenti, jinnota li kien hemm bosta tibdiliet fl-ewwel ħdax għal dan il-konfront ta’ ħbiberija. L-introduzzjoni ta’ numru ta’ plejers fit-tieni taqsima tat spinta lill-avversarji biex eventwalment rebħu bl-iskor ta’ 3-1.
It-tim Malti ma kienx nieqes mit-tibdiliet fit-tieni taqsima, fejn kull plejer ġie sostitwiet ħlief l-attakkant Nathan Zerafa ta’ Floriana. Wieħed jibda’ jitħasseb fuq x’seta’ mar daqshekk ħażin fit-tieni taqsima biex il-Maltin tilfu totalment il-kontroll. Ir-risposta hija faċli, u teħoda billi tagħmel eżerċiżżju qasir u tikkumpara ż-żewġ timijiet.
M’hijiex kwistjoni ta’ diskrepanza fil-kwalità tal-plejers, jew tat-tattika maħduma mill-istaff tekniku. Jekk wieħed jagħti ħarsa lejn il-klassifika uffiċjali tal-FIFA jara li l-Belarus hija fil-103 post, filwaqt li Malta tinsab fil-166 post. Differenza ta’ 63 post, veru, pero dan id-distakk huwa raġuni biżejjed biex it-tim Malti jitlef b’skor aggregate ta’ 11-1 fuq żewġ logħbiet?
Il-captain tat-tim ta’ taħt id-19-il sena tal-Belarus huwa Pavel Apetenok, plejer ta’ 18-il sena li bħalissa jilagħab mat-tieni tim ta’ PAOK, fit-tieni diviżjoni tal-Greċja. L-istaġun li għadda, Apetenok kellu biss 17-il sena u kien jilagħab ma’ wieħed mal-aqwa timijiet fil-Belarus, Dinamo Minsk. Fl-istaġun 2024/25, Apetanov lagħab 13-il partita fid-difiża ta’ Minsk fil-Vysheyshaya Liga, li huwa ekwivalenti għall-Premier Malti, apparti minnhekk huwa lagħab ukoll partita fil-Pershaya Liga u fil-kwalifikazzjoni tal-UECL ma’ Minsk, kif ukoll fil-Belarussian Cup. Din is-sena Apetanov minkejja li għad għandu 18-il sena, u minkejja l-ambjent il-ġdid li jinsab fih, diġa lagħab żewġ partiti fit-tieni diviżjoni tal-Greċja.

Pavel Apetenok
Meta tħares lejn it-tim Malti ta’ taħt id-19-il sena, tgħarraf ħafna ismijiet li jkunu stillel fil-kategoriji ta’ taħt il-15, is-17, id-19 u l-21 sena, pero għal xi raġuni jew oħra, huma ftit li jkollhom opportunitajiet denji jilagħbu mal-klabb tagħhom fid-diviżjonijiet tal-kbar.
Ejja biss inħarsu lejn l-iskorer tal-partita, Thomas Melillo, plejer li ilu jissemma’ fil-midja Maltija għal żmien twil. Din is-sena huwa għamel it-trasferiment għal ma’ wieħed mill-ikbar klabbs f’pajjiżna, Valletta FC, mingħand Pietà Hotspur, wieħed mill-iktar Nurseries magħrufa f’pajjiżna.
Melillo ġibed l-attenzjoni tat-tim Belti minħabba l-fatt li kien involut ma’ Pietà f’nurmu ta’ partiti l-istaġun li għadda, fejn saħansitra lagħab 24 partita u skorja tlett gowls fil-kompetizzjonijiet kollha, b’19 minnhom jaslu fil-BOV Challenge League. Din is-sena għall-kuntrarju, Melillo lagħab biss 18-il minuta fil-Malta Premier mill-ewwel tmien logħbiet tal-Opening Round, dan ifisser li Melillo kien involut biss 2.5% mill-minuti li ntlagħbu s’issa, filwaqt li Apetanov kien involut f’20% mill-minuti li ntlagħbu s’issa fit-tieni diviżjoni tal-Greċja.
Din il-problema tidher ċara anke fi plejers oħrajn fit-tim ta’ taħt id-19-il sena. Il-kwalità teknika, u dik tattika fuq livell personali tkun impekkabli meta tikkumpara ma l-etajiet tagħhom lokalment, pero meta jilagħbu kontra plejers barranin li qed ikollhom esperjenza mat-tim ewlieni tal-klabbs tagħhom, il-fiżika u t-teknika tagħhom tkun inferjuri għall-barranin.
Dan in-nuqqas ta’ minuti għaż-żgħażagħ Maltin fil-kampjonati Malti wassal għal numru ta’ telfiet oħra l-ġimgħa l-oħra, fosthom telfa ta’ 8-0 mill-istess tim Malti kontra l-istess avversarji.
Il-problema tkompli tikber anke fit-timijiet ta’ taħt il-21 sena. Żewġ telfiet fejn it-tim Malti l-anqas sab ix-xibka darba. Tħares lejn l-ewwel ħdax li bdew il-partita kontra l-Irlanda ta’ Fuq, li ntemmet f’telfa ta’ 2-0, tgħarraf ħafna plejers li jkunu involuti mal-klabbs tal-Premier jew taċ-Challenge. Madankollu, jekk wieħed jagħti ħarsa propju lejn il-persentaġġ ta’ minuti li dawn il-plejers jilagħbu mat-timijiet tagħhom, tinduna li disa’ minn ħdax il-plejer li bdew il-partita lagħbu inqas minn 50% tal-minuti dan l-istaġun mal-klabb tagħhom. Huma biss Sean Gatt ta’ Santa Lucia, tim fil-BOV Challenge League, kif ukoll Jake Micallef ta’ Żabbar St.Patricks, tim lejn in-naħa t’isfel tal-klassifika li lagħbu iżjed minn 50% tal-minuti f’dan l-istaġun. Sean Gatt lagħab 59% tal-minuti ma’ Santa Lucia fic-Challenge League u għadu ma rnexxielhux isib ix-xibka, filwaqt li Jake Micallef lagħab 65%.

Apparti t-telfa kontra l-Irlanda ta’ Fuq, it-tim Matli tilef ukoll il-partita kontra l-Georgia 5-0
Agħar minnhekk 5/11 tat-tim lagħab inqas minn 30% tal-minuti mat-tim ewlieni tagħhom.
In-nuqqas ta’ involviment taż-żgħażagħ tagħna fl-għola kampjonati Maltin mhux biss qiegħed ikisser it-timijiet tal-U19 u l-U21, iżda qiegħed dejjem iħalli impatt negattiv fuq it-tim nazzjonali Malti tal-kbar, u dan rajniħ ċar kontra l-Olanda u l-Bosnja Ħerżegovina. F’żewġ telfiet il-Maltin ikkonċeddew 8 gowls u skorjaw wieħed, permezz ta’ penalty.
Allura l-mistoqsija tiegħi hija, huwa għaqli li nkomplu nżidu n-numru ta’ plejers barranin eliġibbli jilagħbu fil-kampjonati Maltin, jew għandna nħallu ż-żgħażagħ tagħna jimirħu f’dawn il-livelli biex forsi naqtgħu l-frott minnhom fit-tim nazzjonali Malti, u mhux biss niddependu fuq plejers bħal Teuma u Chouaref biex niksbu xi riżultati? Ħa nagħmluha ċara, plejers bħal Cardona, Teuma, Chouaref u Jones huma bżonnjużi għat-tim Malti, pero jekk mhux se nagħtu ċans liż-żgħażagħ tagħna, għada pitt għada t-tim Malti għad isoffri ħafna iżjed.

It-tim nazzjonali Malti tilef kontra l-Olanda u l-Bosnja
//= $special ?>