Fosthom wieħed jiskonta sentenza ta’ għomor il-ħabs u f’sezzjoni ta’ massima sigurtà
Rapporti li waslu lil din il-kamra tal-aħbarijiet qed jallegaw li din il-ġimgħa reġgħet tfaċċat xhieda ċara tal-problema tad-droga fil-ħabs, hekk kif fl-aħħar jiem, f’Diviżjoni 5 – l-aktar diviżjoni li fiha hemm sigurtà massima – allegatament instabu żewġ priġunieri pożittivi għall-kokaina.
Minn informazzjoni li waslet għand NetNews, wieħed minn dawn il-priġunieri qed jiskonta sentenza ta’ għomru l-ħabs, filwaqt li l-ieħor instab pożittiv għall-kokaina tliet darbiet fi żmien xahrejn.
Din l-aħħar allegazzjoni qed tpoġġi dubju serju fuq l-istqarrijiet uffiċjali riċenti tal-Gvern li sostnew li “m’hemmx droga fil-ħabs”.
Dan filwaqt li sorsi interni u ta’ min jorbot fuqhom spjegaw li priġunier ieħor instab pożittiv u allegatament kien fost dawk fdati biex jaħdmu ġewwa l-ħabs.
Diversi uffiċjali korretevi li tkellmu magħna taħt kundizzjoni ta’ anonimità esprimew tħassib serju dwar is-sitwazzjoni attwali. “Is-sigurtà naqset bil-kbir,” qal wieħed minnhom, “u jidher li l-prijoritajiet issa nbidlu”.
Intant Net News bħgat numru ta’ domandi lit-tmexxija tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin madanakollu s’issa għadna mingħajr tweġiba.
//= $special ?>