Internazzjonali

Trump ma jipprovdix il-missili Tomahawk lill-Ukrajna, jappella għall-waqfien mill-ġlied

Ritratt: BBC

Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump irrifjuta li jipprovdi missili tat-tip ‘Tomahawk’ lill-Ukreni sabiex jużaw f’attakki kontra r-Russja.

F’laqgħa li saret il-Ġimgħa fil-White House, bejn Donald Trump u l-President Ukren Volodymyr Zelensky, Trump irrifjuta illi jipprovdi dawn il-missili sabiex jevita eskalazzjoni tal-ġlied bejn ir-Russja u l-Ukrajna.

Il-President Ukren, għamel il-vjaġġ lejn Washington bil-għan illi jmur lura pajjiżu b’aċċess għal dawn il-missili long-range, li skontu – jistgħu jipprovdu attakk b’saħħtu fuq l-ekonomija tal-Kremlin billi jippermettu attakki fuq faċilitajiet tal-enerġija u anke taż-żejt fir-Russja.

Minkejja dan il-ħsieb, Zelensky falla milli jinnegozja sabiex jieħu lura miegħu dawn il-missili, bil-President Amerikan jistqarr li l-waqfien mill-ġlied għandu jseħħ immedjatament mingħajr l-użu tal-missili Tomahawk. Huwa spjega li missili bħal dawn huma dawk li jeħtieġu l-Amerikani.

Rapporti internazzjonali qed jindikaw illi minkejja din id-disfatta, il-President Ukren iddeskrva din il-laqgħa bħala waħda produttiva, fejn spjega li l-Istati Uniti mhux qed tfittex eskalazzjoni.

Sigħat wara t-tmiem ta’ din il-laqgħa, Donald Trump appella lil Kyiv u anke lil Moska sabiex iwaqqfu l-ġlied immedjatament, bil-President Amerikan jitkellem mal-midja u jispjega li kemm ir-Russi u anke l-Ukreni għandhom iwaqqfu l-ġlied b’mod immedjat, u jmorru jgawdu lill-familja tagħhom.

Intant, il-laqgħa li saret il-Ġimgħa bejn il-Presidenti tal-Ukrajna u tal-Istati Uniti tiġi ġurnara li Donald Trump kellu telefonata mal-President Russu Vladmir Putin bil-ftehim li jiltaqgħu fl-Ungerija.

Waqt din it-telefonata jidher li Putin, enfasizza li l-missili Tomahawk mhux se jkollhom impatt sinifikanti fil-gwerra, iżda jkunu għad-detriment tal-alleanza bejn l-Istati Uniti u r-Russja.

Minn naħa tiegħu, Zelensky kellu laqgħa virtwali mal-mexxejja Ewropej dwar din il-laqgħa, fejnala tennew l-impenn tagħhom li jkomplu jgħinu lill-Ukrajna f’din il-gwerra.